Saturday, December 21, 2024

Il-ġurament tal-ħatra ta’ Dr Myriam Spiteri Debono bħala President ta’ Malta

Aqra wkoll

Iċ-ċerimonja tal-ġurament tal-ħatra ta’ Myriam Spiteri Debono bħala President ta’ Malta se ssir nhar il-Ħamis 4 ta’ April. Dan waqt seduta speċjali tal-Parlament li se jitlaqqa’ fis-sala tat-tron fil-Palazz tal-President, il-Belt.

Bħala President-Elett, in-Nutar Myriam Spiteri Debono mistennija toħroġ mir-residenza privata tagħha f’Birkirkara għal ħabta tad-9:15am. Minn hemm titlaq lejn il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fejn issir quddiesa solenni għal art twelidna kkonċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles J. Scicluna. Għal ħabta tal-11:00am, wara l-quddiesa, il-President-Elett flimkien ma’ żewġha Dott. Spiteri Debono se jimxu lejn il-Palazz mill-Kon-Katidral. Hawnhekk il-pubbliku inġenerali hu mistieden li jsellem lill-President-Elett tul it-triq mill-Kon-Katidral sa Pjazza San Ġorġ.

In-Nutar Myriam Spiteri Debono mistennija tieħu l-ġurament tal-ħatra għall-ħabta tal-12:15pm u l-ġurament jiġi ffirmat bħala konferma mill-Ispeaker Anġlu Farrugia. Wara l-ġurament tal-ħatra, Dott. Spiteri Debono tagħmel l-ewwel indirizz tagħha bħala President ta’ Malta. Il-President il-ġdid imbagħad toħroġ fil-gallarija tal-Palazz issellem lill-pubbliku miġbur fi Pjazza San Ġorġ għall-ħabta tas-12:40pm. Dott. Spiteri Debono flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela u s-Sinjuri tagħhom joħorġu fi Pjazza San Ġorġ fejn il-President il-ġdid tingħata s-salut nazzjonali u tispezzjona l-gwardja tal-unur għall-ewwel darba bħala President ta’ Malta. F’dan il-mument tingħata tislima permezz ta’ flypast mill-iskwadra tal-ajru tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Iċ-ċerimonja tintemm bi tqegħid ta’ kuruni tal-fjuri f’riġlejn il-Monument tal-Gwerra u d-daħla tal-President il-ġdid fil-Palazz ta’ Sant’Anton. Il-pubbliku u l-għaqdiet huma mħeġġa jtellgħu l-bandiera Maltija fil-jum tal-ġurament tal-ħatra tal-President ta’ Malta.

Ekonomija

Sport