Saturday, May 4, 2024

Jinqatlu seba’ voluntieri li jwasslu ikel f’Gaza mill-Iżraeliti

Aqra wkoll

“Dan mhuwiex attakk fuq il-World Central Kitchen. Dan huwa attakk fuq l-organizzazzjonijiet umanitarji li jmorru fuq il-post fl-aktar sitwazzjonijiet kritiċi fejn l-ikel qiegħed jintuża bħala arma tal-gwerra. Din mhiex ħaġa li tinħafer”.

Dan kien il-kliem mimli dispjaċir u ddisprat tal-Kap Eżekuttiv tal-organizzazzjoni umanitarja World Central Kitchen (WCK), Erin Gore, wara l-aħbar kerha li seba’ volontieri nqatlu f’attakk mill-ajru mill-forzi Iżraeliti.

Is-seba’ vittmi kienu qegħdin jgħinu biex jaslu provvisti ta’ ikel tant bżonnjuż għan-nies ċivili f’Gaza. Dan l-attakk fuq konsenji tal-ikel seħħ proprju meta uffiċjali tan-Nazzjonijiet Uniti (UN) wissew riskju imminenti  ta’ ġuħ kbir kawża li Iżrael qiegħed jillimita d-dħul ta’ ikel fiż-żona mifnija mill-gwerra.

Fost il-vittmi ta’ dan l-attakk kundanabbli kien hemm ċittadin Ingliż. Miegħu kien hemm ċittadini mill-Istati Uniti, mill-Awstralja, mill-Polonja, mir-Renju Unit, persuna b’ċittadinanza doppja Amerikana u Kanadiża u Palestinjan.

Il-grupp kien għadu kemm telaq minn maħżen u qabad it-triq f’żona fiċ-ċentru ta’ Gaza f’żewġ karozzi mmarkati b’mod ċar u viżibbli sew li huma organizzazzjoni tal-karità.

Il-WCK qal li l-attakk Iżraelit qatel lil dan it-tim li kien qiegħed jagħmel konsenji ta’ 100 tunellata ta’ ikel f’għajnuna umanitarja. Dan minkejja li kien hemm kordinament mal-forzi Iżraeliti (IDF).

Filmati pjuttost grafiċi wrew il-ġisem bla ħajja ta’ ħamsa mill-vittmi li tpoġġew fl-isptar Al-Aqsa Martyrs f’Deir al-Balah. Aktar tard, WCK ikkonferma li l-membri kollha ta’ dan it-tim, jiġifieri sebgħa, inqatlu fl-attakk.

Tlieta mill-vittmi dehru bil-passaporti tagħhom imqiegħda fuq sidirhom u wħud kienu b’ilbies protettiv li fuqu kellhom is-simbolu ta’ WCK imweħħel magħhom. 

Min-naħa tagħhom Iżrael ħabbru li għaddejjin bl-investigazzjonijiet dwar dan l-inċident.

Reazzjonijiet għal qtil ta’ persuni li għamlu tant ġid…

“Traġedja li qatt ma kellha sseħħ”

Kelliem għall-Uffiċċju tal-Affarijiet Barranin Ingliż ikkonferma li jafu x’ġara lil ċittadini minn tagħhom fejn żied li, “qegħdin nitlobu aktar informazzjoni”. 

L-Awstraljan Anthony Albanese ħabbar isem waħda mill-vittmi – Lalzawmi ‘Zomi’ Frankcom. Din kienet manager ta’ WCK ta’ 44 sena minn Melbourne, deskritta bħala persuna pożittiva ħafna dejjem bi tbissima fuq wiċċha.

Albanese qal li, “irridu li tittieħed ir-responsabbiltà kollha għal dak li ġara għax din it-traġedja qatt ma kellha sseħħ. Il-verità hija li dan il-każ mar oltre”. Il-ġurnalist ibbażat f’Gaza, Hani Aburezaq, qal li Frankcom mill-Awstralja marret f’Gaza għal finijiet umanitarji.

Ilbieraħ il-qraba ta’ Zomi tkellmu pubblikament dwar it-telfa kbira li ġarrbu fejn iddeskrivew lill-għażiża tagħhom bħala “mara kuraġġuża li daret id-dinja biex tgħin persuni fil-bżonn”. Qalu li bħalissa għadhom qegħdin isofru minn xokk qawwi u filwaqt li talbu għal privatezza f’dawn ill-mumenti diffiċli, sostnew li Zumi se tħalli legat ta’ kompassjoni, kuraġġ u mħabba għal dawk kollha li kienu fiċ-ċirku tagħha. 

L-awtoritajiet tal-Polonja wkoll riedu aktar dettalji dwar il-qtil ta’ ċittadin minn tagħhom. Ir-radju ZET fir-rigward irrapporta li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Polonja mistenni jagħmel kuntatt ma’ Iżrael biex jingħata spjegazzjoni għall-qtil ta’ volontier Pollakk.

James Felder, kelliem għall-UNICEF qal li l-imwiet ta’ dawn il-volontiera kienet “telfa kbira ħafna” fejn żied li, “ix-xogħol li kienu jagħmlu bla waqfien u b’dedikazzjoni kbira kien ta’ salvazzjoni għal ħafna nies li jinsabu f’din il-gwerra kiefra. L-imwiet tagħhom hija traġedja bla sens li tfakkarna dwar it-theddid li jiffaċċjaw ta’ kuljum nies ċivili u volontiera li jgħinu”.

‘Agħti ikel lil min hu bil-ġuħ’…

Is-sitwazzjoni f’Gaza hija gravi u f’dawn l-aħħar ġimgħat ir-riskju li eluf ta’ ċittadini innoċenti inklużi tfal, imutu bil-ġuħ, qiegħed jissemma’ kontinwament. Huwa proprju dan li l-volontieri tal-WCK kienu qegħdin jippruva jevitaw. Dan billi jgħinu biex jaslu konsenji ta’ ikel vitali lil dawn in-nies maqbuda fil-gwerra bejn Iżrael u l-Ħamas.

Fil-fatt il-konsenji bl-ajru li waslu t-Tnejn li għadda filgħodu kienu jikkonsistu f’madwar 400 tunellata ta’ ikel u provvisti essenzjali. Din il-konsenja kienet organizzata bejn l-Emirati Għarab Magħquda u WCK. Din tal-aħħar twaqqfet għal għanjiet umanitarji mill-kok famuż, Josè Andrès. 

Fuq il-pjattaforma ‘X’ Andrès qal li l-volontiera maqtula mill-attakk mill-ajru ta’ IDF kienu “anġli” u li huwa ħadem magħhom f’missjonijiet oħra fl-Ukrajna, fl-Indoneżja u fit-Turkija. Saħaq li, “dawn mhumiex persuni bla wiċċ u bla isem. Hemm bżonn li l-Gvern Iżraelit iwaqqaf dan il-qtil diskriminatorju”.

Tajjeb li nfakkru li Iżrael waqqaf lill-UNRWA, l-aġenzija ewlenija tan-Nazzjonijiet Uniti, milli twassal konsenji ta’ ikel fit-Tramuntana u aġenziji umanitarji oħra qalu li tali konsenji f’dawk l-inħawi huma “perikolużi wisq” minħabba li l-militar naqas milli jassigura li jkun hemm passaġġ sigur. Kelliem għall-UNRWA fil-Medda ta’ Gaza, Adnan Abu Hasna, iddeskriva dan l-attakk bl-ajru bħala wieħed “perikoluż”.

Skont uffiċjali tas-saħħa f’Gaza, minn mindu bdiet il-Gwerra fis-7 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra, Iżrael qatel aktar minn 32,000 persuna u ħalla kważi 75,400 persuna feruti.

Sport