Monday, May 13, 2024

Memorji: Vjaġġ fil-Passat Mużikali t’Għawdex

Aqra wkoll

Nhar is-Sibt 13 t’April fid-21.00, Pjazza San Franġisk fir-Rabat se terġa’ tospita kantanti Għawdxin għal vjaġġ mużikali nostalġiku ieħor. Issa fit-tieni edizzjoni tiegħu, il-kunċert Memorji se jenfasizza l-wirt mużikali għani tal-gżejjer Maltin, b’attenzjoni speċjali lejn mużika lokali u internazzjonali minn dawn l-aħħar ħames deċennji.

Din is-sena, Memorji se jinkludi lil John Cassar (magħruf lokalment bħala il-Cash), Pamela Bezzina, Rosabelle Pavia, u Emanuel Rapa, b’sett speċjali minn DJ Terra.

Il-Cash ilu għal żmien twil parti integrali mix-xena mużikali live t’Għawdex, filwaqt li l-kantanta u l-kowċ vokali professjonali Pamela hija stabbilita sew fil-qasam tagħha. Magħhom se jingħaqdu s-sopran Rosabelle Pavia, sinonima ma’ Għawdex Illum għal ħafna snin, u Emanuel Rapa, magħruf għall-mużika folk u l-argunett u ħu l-mibki Alfred Rapa, hu stess kantant u kittieb tal-kanzunetti.

Il-kantanti se jkunu akkumpanjati mill-band ta’ Memorji: Mark Grech fuq il-bass, Pawlu Portelli fuq id-drums, John Cutajar fuq il-pjanu u Jonathan Camilleri fuq il-kitarra. Il-kunċert jagħlaq b’sett ta’ DJ Terra – għall-Maltin u l-Għawdxin li kienu jiffrekwentaw il-Grotta fis-snin 90 u l-bidu tas-snin 2000, żgur m’għandu bżonn l-ebda introduzzjoni.

L-għażla tal-artisti, il-post, kif ukoll ir-repertorju jingħaqdu flimkien biex ikabbru mill-ġdid l-ispirtu tal-passat mużikali t’Għawdex. “Memorji se jerġa’ jqajjem l-essenza mużikali ta’ Pjazza San Franġisk, li darba kienet iċ-ċentru tax-xena mużikali t’Għawdex. Se nkunu qed nagħtu wkoll ħajja ġdida lill-kanzunetti kważi minsija tas-snin 70 u 80, b’arranġamenti mużikali ġodda għall-udjenza tal-lum.”

Fil-fatt, l-idea wara Memorji hija ikbar mill-kunċert tat-13 t’ April. Matul ix-xhur li għaddew, Richard u ħuh Mark Grech ħadmu fuq arranġamenti mużikali ġodda għall-kanzunetti komposti minn missierhom Domenic Grech u l-band tiegħu, The Tramps, u kanzunetti oħra Għawdxin li kważi ntesew.

Dawn jinkludu Ċensu l-Malti Katarin ta’ Alfred Rapa, li biha rebaħ il-Festival tal-Kanzunetta Maltija tal-1996, Gżira tal-Ħolm ta’ Rosabelle Pavia, u Qalb Waħda ta’ The Tramps. Il-kunċert se jinkludi wkoll il-kanzunetta Sinjur Ġib il-Paċi ta’ The Tramps b’arranġament imniedi waqt is-serata tal-ftuħ tal-Milied f’Għawdex u esegwit ukoll fl-edizzjoni ta’ Mużika Mużika ta’ din is-sena.

“Flimkien ħdimna fuq għażla ta’ kanzunetti li juru l-wirt mużikali ta’ Għawdex, u ħloqna kollezzjoni t’ arranġamenti mużikali aċċessibbli għall-mużiċisti tal-lum,” spjega Richard.

Biex ikun apprezzat minn udjenza akbar, ir-repertorju ta’ Memorji jgħaqqad dawn il-kanzunetti lokali nostalġiċi, ma’ hits internazzjonali: “Dan il-kunċert jiċċelebra t-tapizzerija kulturali ta’ Għawdex, u jonora influwenzi kemm lokali u wkoll barranin li sawru l-ambjent mużikali tagħna,” kompla Richard.

Żur Pjazza San Franġisk is-Sibt, 13 t’April għal vjaġġ nostalġiku fil-passat mużikali vibranti tal-gżejjer! Ikklikkja hawn għal aktar informazzjoni dwar il-kunċert.

Memorji huwa kunċert b’xejn organizzat b’kollaborazzjoni mad-Direttorat tal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.

Sport