Sunday, December 22, 2024

Il-Gvern b’politika nazzjonali għat-tfal

Aqra wkoll

Tul dawn l-aħħar xhur il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal kien involut fit-tfassil ta’ Dokument Nazzjonali dwar il-qafas tal-Politika għat-Tfal. Dokument li ried jiġbor fih leħen it-tfal u l-ġenituri tagħhom, kif ukoll dawk kollha li jaħdmu qribhom, speċjalment l-edukaturi u professjonisti oħra.

Għaldaqsant, issa ġiet fi tmiemha perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika, fejn ħarġu diversi punti interessanti minn Ministeri u entitajiet, NGO’s, is-settur privat u saħansitra organizzazzjonijiet internazzjonali. Dan flimkien ma’ 200 messaġġ u filmat li waslu m’għand tfal fuq l-app Empowering Children. Il-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon fisser kif il-Gvern sa minn dejjem emmen fit-tfassil ta’ politika effettiva li teħtieġ involviment attiv, kollaborazzjoni, u kontribut mill-partijiet interessati rilevanti kollha, inkluż il-pubbliku. Issa, dan l-għarfien, il-perspettivi u l-esperjenzi se jkunu strumentali fit-tiswir tal-iżvilupp ta’ dan id-dokument ta’ Politika għat-Tfal.

Min-naħa l-oħra, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista reġgħet astjeniet minn konsultazzjoni oħra importanti fis-settur soċjali. Din il-konsultazzjoni ilha għaddejja għal dawn l-aħħar ġimgħat u fl-ebda mument, ma kien hemm reazzjoni mill-Partit Nazzjonalista u wisq aktar mill-erba’ shadow Ministers Nazzjonalisti, illi suppost jitkellmu dwar il-qasam soċjali. Fil-fatt minn tagħrif li kisbet dan is-sit, il-Ministru Michael Falzon għamel mill-anqas tliet stediniet lil dawn l-istess Deputati Nazzjonalisti sabiex juru sehem attiv, f’politika daqstant importanti. Din m’hijiex l-unika okkżjoni li l-Partit Nazzjonalista naqas milli jipparteċipa f’konsultazzjonijiet Nazzjonali, tant li anke riċentament taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech kien assenti fit-tfassil tal-Politika Nazzjonali tad-Droga u ma kienx ressaq sottomissjoni fil-konsultazzjoni dwar il-liċenzjar tal-kuntratturi.

Lil hinn minn dan kollu, dak li ħareġ minn din il-konsultazzjoni ser twassal għal Politika ta’ serħan il-moħħ u li tindirizza r-realtajiet soċjali tal-ġurnata. “Temi relatati mal-edukazzjoni, il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal, is-saħħa mentali tat-tfal u l-ġid ta’ uliedna, kienu fost l-aktar prijoritajiet indirizzati”, spjega l-Ministeru għall-Politika Soċjali.

Minn tagħrif iktar miksub minn dan is-sit jidher li daħlu ukoll ħafna kummenti dwar l-għaqda fil-familja, il-ħin ta’ kwalità u aktar ħin liberu fost oħrajn. Fuq kollox it-tfal, fejn it-tfal kellhom l-opportunita li jlissnu dak li verament jaħsbu dwaru b’mod komdu b’mezzi teknoloġiċi li huma aċċessibli għalihom, permezz ta’ The Empowering Children App. “Smajnikom u issa aħna impenjati li nanalizzaw dak kollu li rċevejna u nifinalizzaw dokument ta’ politika ħolistiku li verament jirrifletti l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet ta’ uliedna. Flimkien, ejja nkomplu naħdmu bla heda biex niżguraw li kull tifel u tifla fis-soċjetà tagħna jkunu protetti, u jingħataw l-opportunitajiet li jixirqilhom biex jirnexxu u jimxu ’l quddiem”, saħaq il-Ministru Falzon

Ekonomija

Sport