L-età tal-irtirar mix-xogħol kien għal bosta snin suġġett kontroversjali f’diversi pajjiżi, anke f’dawk Ewropej fejn il-popolazzjoni kulma jmur qiegħda dejjem tixjieħ. Din il-miżura iżda mhux dejjem tinżel tajjeb maċ-ċittadini tant li mhux rari li wasslet għal irvellijiet u azzjonijiet industrijali b’waqfien mix-xogħol fejn kawża ta’ dan diversi servizzi jkunu disturbati.
Dan hu li qed jiġri fi Franza wara li ftit tal-jiem ilu, il-Gvern ressaq abbozz ta’ liġi ġdida fejn ippropona li togħla l-età uffiċjali tal-irtirar mix-xogħol, minn dik ta’ 62 għal 64 sena.
Il-programm ta’ riforma tal-President Macron qed jiffaċċja mument ta’ bidla, hekk kif l-unjins Franċiżi fasslu ġurnata ta’ strajks tal-massa u protesti iktar kmieni llum kontra l-pjanijiet tiegħu li jimbotta lura l-età tal-irtirar. L-għaqdiet kollha tal-pajjiż, inklużi l-għaqdiet hekk imsejħa “riformisti” li l-Gvern kien ittama li jirbaħ man-naħa tiegħu, ikkundannaw din il-miżura, kif għamlu l-oppożizzjonijiet tax-xellug u tal-lemin estrem fl-Assemblea Nazzjonali.
Minħabba li l-partit tiegħu tar-Rinaxximent m’għandux maġġoranza fl-Assemblea, il-President Franċiż Emmanuel Macron se jkun imġiegħel jiddependi fuq l-appoġġ tal-madwar 60 deputat tal-Partit Konservattiv tar-Repubblikani. Għalkemm fil-prinċipju favur ir-riforma tal-pensjonijiet, xi wħud mill-Konservattivi wissew li jistgħu jivvutaw kontra. Bil-proċess parlamentari mistenni jieħu diversi ġimgħat, il-President Macron qed jiffaċċja kampanja ta’ oppożizzjoni kontinwa, b’aktar jiem ta’ azzjoni probabbli fil-jiem li ġejjin. L-agħar riżultat għall-Gvern ikun l-istrajkijiet fit-trasport, l-isptarijiet u l-imħażen tal-fjuwil li effettivament iġibu lill-pajjiż f’waqfien sħiħ.
L-analisti politiċi qablu li l-burdata tal-pajjiż kienet diffiċli biex titkejjel, u għalhekk kien impossibbli li wieħed ibassar jekk l-iskala tad-disturb kinitx biżżejjed biex iġiegħel lill-President jirtira l-abbozz. Jekk jiġri hekk, jista’ jimmarka t-tmiem ta’ kwalunkwe riforma serja f’dan it-tieni mandat tal-President Macron.
Taħt il-proposti deskritti aktar kmieni dan ix-xahar mill-Prim Ministru Élisabeth Borne, mill-2027 in-nies biex jikkwalifikaw għal pensjoni se jkollhom jaħdmu 43 sena, jiġifieri sena iktar milli hi llum. Il-Gvern qed isostni li din il-miżura hija vitali biex tissalvagwardja s-sistema tal-pensjonijiet ta’ Franza. Min-naħa l-oħra din ir-riforma ma tantx qed tkun popolari fost il-pubbliku tant li 68% stqarrew li huma kontra, skont stħarriġ tal-IFOP li sar din il-ġimgħa.
Din hija s-seba’ riforma Franċiża tal-pensjoni minn meta l-President François Mitterrand naqqas l-età tal-irtirar għal 60 sena fl-1982.
Kull tentattiv sussegwenti biex ireġġa’ lura dik il-bidla wassal għal oppożizzjoni tal-massa fit-toroq, għalkemm fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ir-riforma fl-aħħar għaddiet. Fl-2010, Nicolas Sarkozy għolla l-età tal-irtirar għal 62, minkejja ġimgħat ta’ protesti.