Sunday, December 22, 2024

Il-Gvern għadu u se jibqa’ jaħdem għall-ġid tal-bidwi, ir-raħħal u s-sajjied, għaliex jemmen fl-importanza tagħhom fis-soċjetà

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Aħna bħala Gvern nemmnu fil-ħidma kollettiva tal-bdiewa tagħna li kapaċi joffru prodotti tal-ogħla kwalità. Għalhekk, għadna, u se nibqgħu naħdmu għall-ġid tal-bidwi u r-raħħal u s-sajjied għaliex nemmnu fl-importanza tagħhom fis-soċjetà; fil-bżonn li għandna aħna bħala poplu għall-għajxien tagħna”.

Dan iddikjaratu s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said waqt aġġornament li għamlet fil-Parlament b’rabta mas-settur tal-agrikoltura. Hija spjegat kif kull wieħed u maħda minnha seta’ jara kif f’dawn l-aħħar ġimgħat, seħħu diversi protesti madwar l-Ewopa minn bosta individwi li jaħdmu fil-qasam tal-agrikoltura. F’dan ir-rigward, Bugeja Said qalet li dan sar minħabba diversi regoli imposti mill-Unjoni Ewropea, fosthom il-Green Deal, li, kif qiegħed jiġi argumentat mill-bdiewa, kapaċi jaffettwaw il-kompetizzjoni tal-prodotti lokali. 

Enfasizzat li wieħed ma jistax ma jqisx l-importanza tal-prodott lokali offrut lilna mill-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin. Tat ukoll spjegazzjoni dwar il-bidja f’pajjiżna, fejn stqarret li mingħajr l-impenn tax-xogħol li jwettqu l-produtturi, l-Maltin ma jkollhomx prodotti friski fuq il-mejda tagħna u ma jkollhomx provvista adegwata ta’ ikel f’każijiet fejn l-importazzjoni tkun waħda limitata.

Fid-diskors tagħha, irreferiet għal ċertu kummenti li saru mill-Oppożizzjoni. Bugeja Said qalet; “L-Oppożizzjoni qalet li aħna bħala Gvern qed naħdmu kontra l-interessi tal-bdiewa u r-raħħala tagħna. Dan huwa kollu gideb! Gideb sfaċċat sabiex jippruvaw jiżgwidaw lill-poplu. U ħa nispjega għaliex. Għalkemm aħna pajjiż żgħir fost il-membri kollha tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern dejjem jaħdem u jiġġieled favur id-drittijiet tal-bdiewa, ir-raħħala, u s-sajjieda lokali sabiex ikollhom l-aħjar derogi li jpoġġu x-xogħol tagħhom f’qagħda aħjar”

Spjegat li  għal kontra tar-rappreżentanti tal-oppożizzjoni li jitfgħu t-tajn u li dawn iwaqqgħu isem pajjiżna għaż-żufjett, u jaħbu jdejhom. Żiedet tgħid li ma tgħaddix okkażżjoni waħda li hi waħda li ma jmaqdrux u ma jpoġġux f’dell ikrah lil Malta u Għawdex tagħna, kif ġara propju f’din il-kwistjoni tal-bdiewa. Semmiet ftit mill-ħidma li twettqetsa issa, fosthom il-kisba għal l-akbar pakkett ta’ fondi għal Malta għas-settur agrikolu u l-kisba ta’ fondi għal diversi skemi mmirati li jsaħħu l-ħarsien tal-annimali fl-irziezet lokali. 

Dwar ir-regolamenti tal-użu sostenibbli tal-pestiċidji, Bugeja Said qalet li bħala Malta ingħaqdu flimkien ma’ stati membri oħra sabiex jopponu għal din il-liġi għax kienu jafu li din tista’ taffettwa bil-kbir lill-bdiewa u l-produzzjoni tagħhom. Kompliet tispjega fejn jidħlu r-raħħala, żammew sodi biex il-proposta tal-Unjoni Ewropea dwar l-emissjonijiet mill-irziezet ma tidħolx b’mod drakonjali fuq is-settur. 

Żiedet tgħid; “kien għalhekk li aħna bħala Gvern, jien flimkien mal-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo, appoġġjajna bis-sħiħ il-protesti li saru mill-bdiewa. L-appoġġ tagħna favur il-bdiewa Maltin u Għawdxin, dejjem kien preżenti u se jibqa’ fuq quddiem bħala prijorità assoluta tagħna”. 

Dwar il-bdiewa u r-raħħala nnifishom, Bugeja Said qalet li dawn naqsu bil-bosta u li huma ftit iż-żgħażagħ li jinteressaw ruħhom fis-sengħa tal-biedja u t-trobbija tal-annimali. Però dan jidher li mhux biżżejjed biex jattira demm ġdid lejn is-settur minħabba l-isfidi illi fih.Spejgat kif bħala Ministeru kkonċernat, fehmu t-tħassib tagħhom, u mhux talli ma ppruvawx inwaqqfuhom milli jkunu voċiferi u jsemmgħu leħinhom, kif kien hemm min qal mill-kamp tal-Oppożizzjoni, talli marru magħhom fit-toroq sabiex juruhom solidarjetà.  

Kompliet tispjega; “F’dawn l-aħħar jiem stedinna lill-bdiewa u r-raħħala għal diversi laqgħat, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, sabiex niddiskutu u naraw x’jista’ jsir aktar għall-benefiċċju tagħhom. Ma qgħadniex ninħbew wara subgħajna jew bżajna naffrontaw il-problema. In-numru ta’ bdiewa u raħħala li attendew għal dawn il-laqgħat, huwa ta’ nkoraġġiment kbir. Fil-laqgħa li organizzajna mal-bdiewa fir-Rabat Malta, ftit tal-ġranet ilu, kellna sala ppakkjata b’aktar minn 500 bidwi. Dan verament jixhed kemm anki l-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin jemmnu u jafu li dan huwa Gvern li jisma’”.

Hija semmiet wħud mil-liġijeet li diġa twettqu f’dawn. l-aħħar snin; Il-Liġi tal-qbiela fejn il-kirja llum ma tistax togħla aktar minn 1.5% tal-valur tal-art agrikola; 7,500 bidwi ibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja diretta li tlaħħaq l-€4.5 Miljun Ewro; twaqqfet il-Malta Food Agency sabiex nirregolaw is-settur u nwettqu r-riforma meħtieġa fil-pitkalija; twaqqfet l-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta biex l-artijiet użati għall-agrikoltura jibqgħu jiffunzjonaw għall-istess raġuni, b’diversi inċentivi mmirati għal bdiewa żgħażagħ li għandhom ix-xewqa li jidħlu f’dan il-qasam u twaqqfet l-Farm Advisory Service tal-AgriConnect biex nipprovdu għajnuna lill-bdiewa u r-raħħala ħalli jifhmu u jkunu konformi mar-regoli tal-Unjoni Ewropea. 

Xhieda ta’ dan huwa propju l-manifest elettorali li fih hemm elenkati numru kbir ta’ miżuri li qegħdin jittieħdu jew sejrin jiġu implimentati fiż-żmien li ġej. Enfasizzat li tixtieq li sserraħ moħħ il-bdiewa, ir-raħħala, is-sajjieda, u l-produtturi lokali Maltin u Għawdxin, li  bħala Gvern se jkomplu jaħdmu, jiddiskutu, u jsemmgħu leħinhom mal-Unjoni Ewropea sabiex jiksbu l-aħjar kundizzjonijiet li jistgħu għal pajjiżna.

Temmet tgħid li dan kollu juri kemm il-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, huwa l-aqwa għażla, anzi l-unika għażla li l-bdiewa u r-raħħala lokali għandhom sabiex ikollhom serħan il-moħħ. Gvern li se jibqa’ dejjem jappoġġjahom, mhux bil-kliem biss, iżda bil-fatti. 

Ekonomija

Sport