Saturday, December 21, 2024

IL-GVERN IL-ĠDID

Aqra wkoll

Wara li jintemmu ċ-ċelebrazzjonijiet tar-rebħa (li nittama ma jtulux wisq), il-gvern il-ġdid se jkollu quddiemu aġenda mimlija ħafna. Lil hinn mill-wegħdiet li saru u mill-aspettattivi li l-kampanja elettorali — bħal kull kampanja oħra — xettlet, se jkunu materji tal-aqwa importanza li l-gvern irid jindirizza. 

Il-kwistjonijiet li jqanqlu ma jiddependux kollha minnu. Xorta se jkun irid isib risposta għalihom kollha kważi fl-istess ħin. Id-deċiżjonijiet li jieħu se jkollhom konsegwenzi tat-tul li ma jistgħux jittieħdu “for granted” — konsegwenzi tal-aqwa siwi, imma wkoll tal-aqwa dannu għall-futur ta’ pajjiżna.

Fosthom insibu: L-istrutturi ekonomiċi tal-pajjiż; l-ambjent; l-edukazzjoni; it-trasport; l-enerġija; il-governanza; il-ġlieda kontra l-korruzzjoni; l-inugwaljanzi soċjali u l-faqar; l-immigrazzjoni; in-newtralità u s-sigurtà marbuta mal-post tagħna fl-Ewropa.

Bla dubju, se jkunu sfidi enormi. Imma l-gvern reġa’ għandu kapital politiku qawwi biex bih jaffaċċjahom. Irid jagħmel dan bi trasparenza, b’kompetenza, b’irġulija u b’attenzjoni stretta għal xinhuma l-interessi taż-“żgħar”.

IL-GWERRA

Il-gwerra ta’ Putin fl-Ukrajna ċajpret għall-aħħar il-mod kif naħsbu dwar il-futur u nqisuh. Għal ma nafx kemm deċennji, l-ideat tagħna dwar il-futur kienu kundizzjonati mill-inkwitijiet ta’ kuljum dwar l-għoli tal-ħajja, kemm żdied il-qgħad, l-għażliet tal-bejgħ u x-xiri.

Mhux aktar. Il-possibiltà ta’ gwerra li tiskatta bla kontroll f’daqqa sar parti mill-mod kif inqisu l-affarijiet. Biex tagħqad, iċ-ċans li dan kollu jiżbroffa f’konfront nukleari donnu tqarreb.

L-akbar tensjoni ta’ gwerra li nies tal-ġenerazzjoni tiegħi jiftakru ġrat fil-bidu tas-snin 60, meta l-Istati Uniti ħarġu kontra dak li qalu kien l-ispostament lejn Kuba ta’ missili nukleari. Dakinhar, il-biċċa ma spiċċatx fi gwerra. Imma bosta beżgħu li hekk kien se jiġri.

L-AFRIKA BIL-ĠUĦ

Mill-mergħat tar-Rumanija u tal-Ukrajna (anke tar-Russja) il-qmuħ kienu jitilqu wara l-ħsad lejn l-Ewropa imma wkoll lejn l-Afrika. L-aħħar staġun milli jidher kien ftit jew wisq affettwat ħażin min-nixfa. Bil-gwerra fl-Ukrajna, tħarbat il-kummerċ li kien isir.

Il-provisti ta’ qmuħ se jonqsu bil-kbir. Biex tagħqad, mingħajr fertilizzanti l-uċuh ma jistgħux jiffjorixxu. Biss, fost l-aqwa fabriki li jipproduċu l-fertilizzanti kien hemm waħda fl-Ukrajna, li minħabba l-gwerra, tinsab mejta. 

Mhux biss se tiċkien sew il-kwantità ta’ qmuħ li jaslu għall-ħsad. L-esportazzjoni tagħhom se tintlaqat.

Fost l-aktar li se jbatu minn dan huma l-pajjiżi Afrikani — min-nord sas-sud taħt is-Saħara. Hemm min diġà qiegħed jipprospetta — u jinkwieta dwar — il-ġuħ fil-kontinent Afrikan. 

Ħadd ma jaqbillu jgħid li din problema li ma tolqotnhiex  — hi ta’ ħaddieħor. Quddiem il-ġuħ, bir-raġun kollu l-popli jmorru jfittxu imkejjen oħra fejn jistgħu jgħixu talanqas billi jieklu. 

Ekonomija

Sport