L-għoli tal-ħajja u d-diversi forom ta’ impjiegi ġodda kienu fiċ-ċentru ta’ laqgħa li saret ilbieraħ bejn il-General Workers’ Union (GWU) u l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana.
F’din il-laqgħa ħareġ ċar it-tħassib tal-GWU dwar li ċertu impjiegi ġodda li qed jinħolqu jistgħu jkunu ta’ ħsara għal impjiegi oħra u anke għal min iħaddem. Fl-istess waqt, il-GWU esprimiet ukoll it-tħassib tagħha dwar kif l-għoli tal-ħajja qed taffettwa l-kwalità tal-ħajja u l-għajxien tan-nies.
Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru Caruana stqarr li ma nistgħux nagħmlu kif kien ġara f’amministrazzjonijiet preċedenti li jogħlew il-kontijiet. Qal li l-Gvern irid ikompli jiflaħ iġorr il-piż li hemm, piż li qed ikompli jiżdied u mhux bil-ftit.
“Il-Gvern irid ikun għaqli fil-mod kif jimmaniġġja l-ispiża tiegħu. Dan fid-dawl li għandna l-iktar defiċit għoli fl-Ewropa u bil-mod irid jibda nieżel. L-isfidi li għandna quddiemna mhux ftit. Nistgħu negħlbuhom imma rridu nżommu saqajna mal-art,” tenna l-Ministru Caruana.
Dwar it-tħassib tal-GWU fejn jidħlu d-diversi forom ġodda ta’ xogħol, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol semma kif id-Dipartiment għall-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali qiegħda taħdem tirregolarizza ħaddiema minn pajjiżi terzi.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li rridu naraw f’dan il-mument tant kritiku, anke minħabba l-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna u qed tissemma ħafna li s-sena d-dieħla se jkun hawn riċessjoni, kif se nilqgħu għal dan kollu.
“Naħseb li l-mudell li jrid jintuża huwa l-istess mudell kif intuża waqt il-pandemija fejn trejdunjins, min iħaddem u l-Gvern flimkien naffrontaw dawn l-isfidi,” qal Bugeja.
Preżenti għal din il-laqgħa f’isem il-GWU kien hemm ukoll il-President Victor Carachi, is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin, is-Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni Sandro Vella, is-Segretarju tat-Taqsima Metall u Kostruzzjoni Jesmond Marshall u s-Segretarju tat-Taqsima Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u l-Infurzar tal-Liġi Theo Vella.