Il-Gvern ippreżenta l-mozzjoni tal-Ewwel Qari tal-Abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika. Kif spjegat fil-Parlament iktar kmieni din il-ġimgħa mill-Prim Ministru Robert Abela, ix-xewqa tal-Gvern hi li din il-kariga timtela bl-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
Kien proprju għalhekk ukoll li l-Prim Ministru ressaq ’il quddiem nomini ta’ nies ta’ ħila u integrità kemm għall-kariga ta’ Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika kif ukoll għall-kariga ta’ Ombudsman.
Saħansitra, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien ta l-approvazzjoni tiegħu għalihom it-tnejn, kif kien spjegat ukoll fil-Parlament fis-seduta ta’ nhar it-Tnejn li għadda.
L-emenda li se jkun qed jippreżenta l-Gvern għandha l-għan li jinħoloq mekkaniżmu f’każ li ż-żewġ naħat tal-kamra jibqgħu ma jaqblux dwar isem li jikseb il-maġġoranza ta’ żewġ terzi, wara żewġ votazzjonijiet li jittieħdu fi żmien sebat ijiem ’il bogħod minn xulxin.
Dan hu mekkaniżmu ‘anti-deadlock’ li fil-passat kien propost mill-Kummissjoni Venezja, u mill-istess Oppożizzjoni għal karigi ta’ importanza.
Il-Gvern jemmen li fiċ-ċirkostanzi preżenti s-sens komun għandu jwassal biex ma jintużax dan il-mekkaniżmu, għaliex il-Kap tal-Oppożizzjoni diġà rrikonoxxa li l-isem propost għall-Kummissarju għall-Istandards huwa wieħed idoneju tant li għadu jaqbel li jista’ jservi fi rwol Kostituzzjonali ieħor. Għalhekk, il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Oppożizzjoni jistgħu liberalment jivvotaw favur in-nomina tiegħu kif kien oriġinarjament maqbul mal-Prim Ministru.