Wara xhur ta’ negozjati li matulhom saru 13-il laqgħa dwar il-ftehim kollettiv ġdid għall-infermiera u għall-qwiebel, il-gvern talab proċess ta’ konċiljazzjoni mal-unjin li tirrappreżenta lil dawn il-ħaddiema, l-MUMN. Dan skont dak li jipprovdi l-ftehim kollettiv għall-ħaddiema tas-servizz pubbliku.
Din hi azzjoni meħtieġa biex ikun assigurat li anke f’mument fejn għaddejjin taħdidiet dwar ftehim kollettiv li mmaturaw, pazjenti vulnerabbli jingħataw il-kura meħtieġa u għalhekk l-appell biex in-negozjati jsiru f’dan l-ispirtu ta’ buona fede u responsabbiltà lejn dawk li jeħtieġu s-servizz tas-saħħa.
Iktar u iktar meta f’dawn il-laqgħat saru numru ta’ proposti min-naħa tal-gvern bil-għan li jissaħħu sew il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-dħul tal-infermiera. Din hi xi ħaġa li l-gvern b’mod konsistenti għamel mal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa bi ftehimiet kollettivi diversi fis-settur li ġew maqbula u ffirmati fl-aħħar snin.
Il-proposti ppreżentati lill-MUMN f’dawn in-negozjati kienu saħansitra mtejba diversi drabi u huwa għalhekk li f’dan il-mument, fejn tant pazjenti qed ikunu milquta minn azzjonijiet industrijali mhux ġustifikati u raġonevoli, u fil-kuntest ta’ żidiet sinjifikanti proposti mill-gvern, li l-gvern qed jagħżel li jitlob dan il-proċess ta’ konċiljazzjoni.
Dan b’responsabbiltà kemm lejn il-ħaddiema li jrid itejjeb il-kundizzjonijiet tagħhom u kemm lejn il-pazjenti li għandhom dejjem jingħataw kull kura meħtieġa.