Friday, May 3, 2024

L-Air Malta ssostni li għandha biżżejjed ħaddiema biex topera t-titjiriet skedati sas-sajf li ġej

Aqra wkoll

Fi stqarrija maħruġa mill-kumpanija Air Malta hija saħqet li d-dewmien fit-titjiriet ta’ żmien l-Għid fl-ebda mument ma kien ikkawżat minn nuqqas ta’ piloti jew membri tal-ekwipaġġ, kuntrarju għal dak li ġie rrappurtat fuq il-midja.

Hija attribwiet il-kawża ta’ dan id-dewmien għall-problemi tekniċi f’wieħed mill-ajruplani li kellu jitlaq fid-9 t’April. Minħabba li fiż-żminijiet ta’ festi, bħalma hu l-Għid, is-safar ikun fil-quċċata tiegħu, kien estremament diffiċli biex jeħodlu postu ajruplan ieħor f’qasir żmien.

Il-ħsarat fl-ajruplan sfortunatament irriżultaw f’dewmien fit-titjiriet tal-weekened tal-Għid minn Malta lejn dawn il-pajjiżi: Zurich fid-9 t’April, Ruma u Brussell fl-10 t’April, u Londra fil-11 t’April.

Għaldaqstant, Air Malta sostniet li għandha kollox taħt kontroll, f’dak li hu ammont ta’ impjegati meħtieġa, sabiex joperaw b’suċċess it-titjiriet skedati sas-sajf li ġej.

Il-kumpanija temmet il-messaġġ tagħha billi skużat ruħha mal-klijenti li ġew affettwati minn dan l-inkonvenjent u spjegat li għaddejja b’ħidma sabiex is-sitwazzjoni tissolva kemm jista’ jkun malajr.

Sport