Fi stqarrija l-Gvern ħa nota ta’ żewġ ittri ta’ avviż formali mibgħuta mill-Kummissjoni Ewropea dwar id-deroga għall-għanijiet tar-riċerka u t-tagħlim fir-rigward tal-għasafar tal-għana u dwar is-sistema ta’ infurzar u derogi b’rabta mad-Direttiva dwar l-Għasafar.
Il-Gvern qal li filwaqt li se jkun qiegħed iwieġeb fiż-żmien stipulat, huwa kommess li jibqa’ jiddefendi l-interessi tal-kaċċaturi u n-nassaba Maltin u Għawdxin biex jiġu protetti d-drittijiet tagħhom, kif inhuma mħarsin f’diversi pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.
Il-Gvern irrimarka li huwa konvint li d-derogi applikati huma konformi mal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea dwar l-għasafar, u fost is-salvagwardji eżistenti hemm sistema ta’ infurzar ogħla minn dik li kienet talbet il-Kummissjoni Ewropea stess.
Il-Gvern fakkar li fuq l-insib tal-pluviera u l-malvizz, kienet il-Kummissjoni Ewropea stess li talbet emendi fil-qafas legali biex pajjiżna jkun konformi mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fuq l-insib tal-għasafar tal-għana.
Il-Gvern qal ukoll li kienet il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea stess li fl-2009 iddikjarat li fil-każ ta’ Malta, m’hemmx soluzzjoni oħra għal kaċċa tal-gamiema u s-summiena f’Malta.
F’Novembru tas-sena l-oħra, il-Kummissjoni Ewropea saħansitra talbet lil Malta tanalizza f’aktar dettall il-popolazzjoni tal-pluviera u l-malvizz, u sussegwentament il-Kumitat Ornis kien qabel unanimament li dan il-proġett ta’ riċerka fuq il-pluviera u l-malvizz għandu jsir.
Il-Gvern Malti qal li huwa impenjat li jkompli jiddiskuti mal-Kummissjoni Ewropea sabiex jiġu ċċarati d-diversi diverġenzi, filwaqt li jkun protett id-delizzju tradizzjonali tal-kaċċaturi u n-nassaba b’rispett sħiħ lejn il-liġijiet u kontra l-abbuż.