Monday, August 3, 2026
Home Barranin Anzjana Żvediża arrestata wara li allegatament żammet lil binha maqful għal deċenji...

Anzjana Żvediża arrestata wara li allegatament żammet lil binha maqful għal deċenji sħaħ f’darha

0
772

Il-pulizija Żvediża arrestaw mara anzjana li allegatament ħalli- et lit-tifel tagħha maqful għal deċenji ġewwa l-appartament tagħha li jinsab f’subborg fil-kapitali Stokkolma. Skont dak li ġie rrapportat fil-midja tal-lokal, din il-mara ħalliet lil binha maqful fl-appartament għal tliet deċenji sħaħ. Min-naħa tagħha l-omm innegat dawn l-akkużi.

Hu mifhum li dan il-każ ġie skopert minn qarib – li qalet li hija oħt il-vittma – nhar il-Ħadd li għadda wara li l-omm kienet ma tiflaħx u kellha tittieħed l-isptar. Jidher li l-iben, li llum għandu 40 sena, instab ferut u anke jgħix f’kundizzjonijiet ħżiena ħafna. Fil-preżent huwa jinsab fl-isptar fejn qiegħed jiġi operat. 

Fid-dawl ta’ dan, il-pulizija ssiġillaw l-appartament li jinsab f’Haninge u bdew investigazzjoni. Huma qegħdin jitkellmu ma’ għadd ta’ persuni bil-għan li jkunu jistgħu jifformulaw l-istorja ta’ verament x’ġara. 

L-omm, li għandha 70 sena, se tibqa’ tinżamm fil-kustodja tal-pulizija hekk kif tissokta l-investigazzjoni. Jekk hija tinstab ħatja li żammet persuna kontra l-volontà tagħha hija tista’ teħel ta’ għaxar snin ħabs. 

Meta oħt il-vittma kienet qiegħda titkellem ma’ midja lokali hija qalet li kienet telqet mill-appartament ta’ ommha meta kienet għadha żagħżugħa u minn dakinhar ’il hawn hija qatt ma rat lil ħuha. Hija tennet li meta kienet għadha żgħira kemm- il darba pprovat tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet hekk kif skontha meta ħuha kellu bejn 11 u 12-il sena hu ma baqax jintbagħat l-iskola. 

Hija qalet li wara li ommha ttieħdet l-isptar hi marret fl-appartament u hekk kif fetħet il-bieb rat li dan il-post kien miżmum f’kundizzjoni ħażina immens. Hekk kif sejħet biex tara jekk hemmx xi ħadd fl-appartament ħadd ma weġibha u għalhekk hija bdiet dieħla iktar ’il ġewwa. Ġara li hekk kif resqet lejn il-kċina hija semgħet ħoss u hemm rat raġel bilqiegħda f’kantuniera mudlama b’għadd ta’ feriti f’riġleh. Hija stqarret li hekk kif raha, dan ir-raġel qam bilwieqfa u beda jgħid isimha ripetutament b’vuċi dgħajfa ħafna. L-oħt qalet li ħuha kważi tilef is-snien koll- ha u lanqas kien qiegħed jitkellem ċar. Hija stqarret li minkejja s-snin kollha li għaddew, ħuha għarafha u ma kienx qed jibża’ minnha.