Monday, December 23, 2024

Il-Gvern ma jaqbilx li jkun hemm tibdil fil-Kumitat tal-Istandards

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Gvern ma jaqbilx mat-tibdil propost mill-Oppożizzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-Kumitat Permanenti dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Dan hekk kif dan il-Kumitat qiegħed juri bil-fatti kemm tassew qiegħed jaħdem fejn saħansitra addotta rapport tal-Kummissarju tal-Istandards fil-konfront ta’ membru parlamentari u ngħatat sanzjoni. Minbarra f’dan, il-Gvern qiegħed jgħid li l-Kumitat ma jistax ikun soġġett għal persuni minn barra l-Parlament billi l-Kumitati huma magħmula minn membri parlamentari li huma r-rappreżentanti eletti tal-poplu. 

Stqarr dan il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis meta kien qed jitkellem ma’ talk.mt dwar l-abbozz ta’ liġi li ressqet l-Oppożizzjoni aktar kmieni din il-ġimgħa biex ikun emendat l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika.

L-Oppożizzjoni qed tipproponi li l-Kumitat ma jibqax jitmexxa mill-Ispeaker iżda jkun kompost minn Chairman li ma jkunx Membru Parlamentari maħtur bil-vot taż-żewġ terzi tal-Membri tal-Kamra, żewġ membri li ma jkunux Membri Parlamentari u membru tal-Kamra nominat mill-Prim Ministru u ieħor mill-Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-Ministru Zammit Lewis beda biex qal li l-liġi li tirregola dan il-Kumitat kif ukoll it-twaqqif tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kienet liġi li nħadmet flimkien mal-Oppożizzjoni. 

“Kienet liġi importanti, fejn kien se jkollna persuna li jkun hemm qbil dwaru miż-żewġ naħat tal-kamra sabiex ikun hemm skrutinju tal-membri parlamentari. Qabel ma kellniex. Kellna sitwazzjoni fejn Membru Parlamentari kellu ċertu obbligi bħal pereżempju jimla l-formola tad-dikjarazzjoni tal-assi,” qal il-Ministru Zammit Lewis. “Din il-liġi eventwalment ġiet implimentata, li kienet ukoll fir-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO. Jiena għandi l-privileġġ li kont l-unika persuna li ilni f’dan il-kumitat sa mill-bidu tiegħu, mill-2018 sa issa.”

Kompla jenfasizza “li nista’ ngħid hu dan il-Kumitat kemm bis-saħħa tal-istess Speaker, tal-membri kollha li kienu fuq il-Kumitat, u kemm bis-saħħa tal-Kummissarju Dr George Hyzler saru avvanzi li qamet ċertu kuxjenza ta’ mġiba aħjar mit-tliet klassijiet ta’ persuni li huma milquta mil-liġi: il-membri tal-eżekuttiv, il-membri parlamentari u l-persuni ta’ fiduċja”. 

“Għamilna avvanzi kbar. Ħafna drabi qbilna u mexxejna dan is-suġġett. Fejn ma qbilniex hemm l-Ispeaker li jista’ jagħti ruling f’dan ir-rigward. L-Ispeaker anke meta eżerċita l-casting vote, fejn ġejna 2-2, l-Ispeaker immotiva r-ruling tiegħu,” qal il-Ministru Zammit Lewis filwaqt li saħaq li ma jfissirx li s-sistema ma taħdimx għax f’każ partikolari ma kienx hemm qbil.

Kien hawn fejn għamel referenza għall-każ tal-Membru Parlamentari Rosianne Cutajar, fejn qal li mhuwiex minnu li kien hemm nuqqas ta’ qbil. Huwa nnotat kif il-vot kien wieħed unanimu fl-approvazzjoni tar-rapport ta’ Dr Hyzler u ġie adottat. 

Li ma kienx hemm qbil bejn il-membri tal-Gvern u l-membri tal-Oppożizzjoni kien dwar is-sanzjoni li kellha tingħata l-membru parlamentari. “Domt nitkellem għal kważi 10 minuti għalfejn ħadna dik id-deċiżjoni u għalfejn ħassejna li ċanfira kienet biżżejjed. L-Oppożizzjoni kellha opinjoni differenti, li tixbah aktar milli ngħollu l-istandards għall-inkwiżizzjoni, persuna irridu bilfors inkissruha u nippersegwitawha. Ma nemminx li dan il-Kumitat għandu dak ir-rwol. U anke l-istess Dr Hyzler jaddotta dak l-approċċ,” qal il-Ministru Zammit Lewis.

“Il-pożizzjoni hi l-Kumitat qiegħed jaħdem”

Huwa stqarr li l-pożizzjoni tal-Gvern hi li l-Kumitat qiegħed jaħdem, u kien esperiment tajjeb li waqqaf Gvern Laburista flimkien mal-Oppożizzjoni. Huwa enfasizza li l-fatt li f’okkażjoni partikolari ma taqbilx u jkun hemm eżitu li jista’ ma jogħġbokx ma jfissirx li s-sistema hi ħażina. “Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech aġixxa bħal tifel tal-iskola li sabbat saqajh għax ma għaddietx tiegħu. Jiena nistenna aktar serjetà. Meta kont naħdem ta’ avukat ma jfissirx li għax nitlef kawża, l-imħallef jew is-sistema hi ħażina. Allura ma naqblux li l-affarijiet għandhom jinbidlu.”

“Apparti li hemm ereżijiet politiċi, legali u kostituzzjonali. L-iktar persuna li waqqaf kumitati permanenti fil-Parlament kien l-ispeaker Lawrence Gonzi dak iż-żmien. L-ispeaker Anġlu Farrugia baqa’ jżidhom. Għandna Kumitat speċifiku fuq Għawdex, ieħor dwar l-Ambjent, u l-Kumitat dwar il-Ħatriet Pubbliċi fost oħrajn. Però l-kumitati huma magħmulin minn Membri Parlamentari. Ma tistax Kumitat Parlamentari tagħmlu suġġett għal nies minn barra l-Parlament. Għandna l-obbligi, responsabiltajiet tawhomlna n-nies. Ma tistax taqbad tliet persuni minn barra u tiżnatura l-kunċett bażiku ta’ kumitat parlamentari. Nistieden lill-Kap tal-Oppożizzjoni jara l-aqwa kumitati parlamentari li hawn fid-dinja u jgħidilna fejn dawn imexxuhom persuni li mhumiex rappreżentanti tan-nies. L-iskop kien li aħna niġġudikaw u nieħdu dixxiplina,” qal il-Ministru Zammit Lewis. 

Huwa semma kif ironikament din kienet l-ewwel darba li l-Gvern adotta rapport kontra kollega parlamentari min-naħa tiegħu. “Mhux hekk biss issuġġerejna wkoll sanzjoni. Is-sanzjoni taċ-ċanfira qiegħda wkoll fil-liġi. Il-Kumitat ħadem għaliex ġie approvat rapport kontra kollega tagħna li wkoll għamlet ħafna xogħol u timmilita fil-politika u ħadna sanzjoni,” tenna l-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza. 

“L-Ispeaker qiegħed jagħmel xogħol siewi ħafna” 

It-Torċa staqsietu wkoll dwar l-Ispeaker Anġlu Farrugia, hekk kif din il-ġimgħa fil-Parlament ġiet diskussa mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni dwar “l-aġir” tal-istess Speaker. Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru Zammit Lewis qal li jemmen li l-Ispeaker qiegħed jagħmel xogħol siewi ħafna fejn ġab aktar awtonomija fil-Parlament, qiegħed jagħti rulings f’ħin qasir u hemm iżjed effiċjenza. 

“Dejjem għoġbuni r-rulings tal-ispeaker? Qas lili dejjem ma għoġbuni. Però ma ngħidx li l-Ispeaker huwa biased jew li ma jagħmilx xogħlu. Jiena pereżempju ma għoġobnix ir-ruling li tat id-Deputy Speaker skont l-istanding order 13. Għidli x’urġenza kien hemm fuq kwistjoni li nqalgħet ġimgħa u nofs qabel? Allura ngħid li mhix tajba? Le. Imma mhux nimmina l-istituzzjoni. Ara kemm inqatgħu rulings kontra l-Gvern. Allura ngħidu l-Ispeaker mhux tajjeb? Huwa l-Ispeaker li jiddeċiedi,” stqarr il-Ministru Zammit Lewis.

“Nibqa’ nimpressjona ruħi. Mhux ta’ b’xejn, is-sondaġġi huma li huma. Il-livell ta’ argumentazzjoni li qed iġġib l-Oppożizzjoni ma tagħmilx sens u l-agħar timmina l-fiduċja fiċ-ċittadini għal istituzzjonijiet li qed jaħdmu. Fejn hemm bżonn intejbu, intejbu. Żgur li dan l-esperiment tal-Kummissarju tal-Istandards kien b’saħħtu biex ngħollu l-livell tal-ħajja pubblika u l-imġiba kemm tal-politiċi li qegħdin fil-gvern, tal-membri parlamentari u anke tal-persuni ta’ fiduċja.”

Ekonomija

Sport