Wednesday, April 24, 2024

Jude Bellingham jagħmel allezzjonijiet fuq r-referee ta’ Borussia v Bayern

Aqra wkoll

Il-midfielder internazzjonali Ingliż, Jude Bellingham, xeħet dubju serju dwar il-ħatra tar-referee, Felix Zwayer, fit-telfa ta’ 3-2 ta’ Borussia Dortmund kontra Bayern Munich.

Zwayer ċaħad l-appelli ta’ Dortmund għal penalty qabel ma saffar għal penalty favur Bayern Munich għal handsball ta’ Mats Hummels. 

“Diżappuntat .. għaliex inħatar dan ir-referee għal din l-akbar logħba fil-Ġermanja?” qal Bellingham, 18-il sena.

Zwayer kien ġie sospiż għal sitt xhur mill-FA Ġermaniża wara li kien involut fi skandlu ta’ irranġar tal-logħbiet  fl-2005.

Bellingham kompla: “Għalija, ma kienx [penalty]. Hu [Hummels] lanqas biss kien qed iħares lejn il-ballun!! Tista’ tħares lejn ħafna mid-deċiżjonijiet fil-logħba.”

Il-coach ta’ Dortmund, Marco Rose, ġie ammonit għar-reazzjoni rrabjata tiegħu meta t-team tiegħu ġie mċaħħad minn penalty u tkeċċa għat-tieni ammonizzjoni għall-protesti tiegħu wara li l-leaders Bayern ġew mogħtija l-penalty fis-77 minuta wara konsultazzjoni twila tal-VAR.

Il-captain ta’ Dortmund, Marco Reus, deher jaqa’ fil-kaxxa wara kuntatt ma’ Lucas Hernandez, fl-54 minuta, u Reus sostna li Zwayer kien messu li jivverifika fuq il-monitor tal-VAR.

“Meta wieħed r-replay jiġi għall-konklużjoni li kien hemm kuntatt … iżda r-referee ma għażilx li jmur jara r-replay fuq il-monitor,” qal Reus. “Hija tassew tal-mistħija!!”

Sport