Sunday, December 22, 2024

“Il-Gvern mhux se jkun evalwat biss abbażi ta’ din is-sentenza”

Dr Musumeci jisħaq li l-ebda funzjonarju politiku ma jieħu gost ikun l-awtur ta’ falliment

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Is-sentenza tgħid bl-akbar mod ċar li l-gvern huwa vittma ta’ maniġġi mill-konċessjonarju u li grazzi għalihom dan rebaħ il-konċessjoni”. Iddikjara dan f’reazzjoni ma’ L-Orizzont l-avukat u lettur tal-liġi pubblika Robert Musumeci meta mistoqsi rigward kummenti li għamel aktar kmieni din il-ġimgħa b’rabta mas-sentenza tal-Qorti Ċivili dwar il-konċessjoni tal-Isptarijiet.

Dr Musumeci kompla biex jelabora dwar dan it-terminu u qalilna li maniġġi kif jitnisslu mis-sentenza huma mifhuma fis-sens li l-gvern ingħata impressjoni mod meta l-affarijiet kienu effettivament mod ieħor. Żied jgħid ma’ dan il-ġurnal li l-konkluzjonijiet fis-sentenza mkien ma jimplikaw li dawn il-maniġġi ġew inflitti mill-gvern jew funzjonarji tiegħu bi ħsieb premeditat u, jew mala fede. “L-iżjed li tinferixxi s-sentenza huwa ġudizzju ħazin, nozzjoni, din li waħeda, ma tiżnaturax il-buona fede”, kompla Dr Musumeci.

Meta mistoqsi rigward ċertu kliem li jista’ jxaqleb lejn bias politiku fis-sentenza mogħtija, l-avukat qalilna li kull ġudikant għandu l-mod tiegħu kif jissintetizza l-viċendi fattwali u li sakemm fatt huwa wieħed kostatat huwa ma jsib ebda problema.

Rigward l-impatt tas-sentenza mogħtija mill-Qorti Ċivili fuq il-Partit Nazzjonalista, huwa qalilna li l-futur tal-partit Nazzjonalista huwa regolat minn kemm il-Partit Laburista jibqa’ jilħaq l-aspetattivi tan-nies. Żied jgħid li sal-lum jidher li l-makkinarju tal-gvern u l-Partit Laburista rnexxielhom iżommu lid-diversi faxex li tawh il-fiduċja mis-sena 2013 lil hawn.

Fuq binarju purament politiku, huwa spjega li ma jaħsibx li l-eżitu waħdu ta’ din is-sentenza ser jisfratta l-andament politiku tal-parti Labiurista u dan għaliex, ma jirriżultax sa issa li l-gvern ried li dan il-proġett ifalli ab initio kif qed jikkontendu xi wħud. Elabora jgħid li l-avversarji tal-Partit Laburista huma konsapevoli ta’ dan u għalhekk qed ipinġu sitwazzjoni li l-gvern ried li dan il-proġett ifalli a gwadann ta’ xi ħadd jew xi wħud.

“Madankollu, kwalunkwe bniedem ta’ dehen raġjonevoli jista’ jasal għall-konklużjoni li l-ebda funzjonarju politiku ma jieħu gost li jkun awtur ta’ xi ħaga li ser tfalli. B’hekk, il-gvern Laburista mhux ser ikun evalwat  biss abbażi ta’ din is-sentenza”, temm Dr Musumeci

Ekonomija

Sport