Monday, December 23, 2024

Il-gvern qiegħed iħares lejn startups li jaraw li jtejbu l-kwalità tal-ħajja 

Aqra wkoll

L-iStartup Festival se jkun qed jittella’ għat-tieni sena konsekuttiva, bil-parteċipazzjoni ta’ startups u scaleups lokali u internazzjonali. Dan ġie mħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia. L-iStartup Festival se jittella’ bejn it-13 u l-14 ta’ Ottubru, f’Villa Bighi fil-Kalkara.

Waqt it-tnedija ta’ dan il-festival, il-Ministru Miriam Dalli fakkret fuq l-impenn tal-Gvern fejn jidħlu setturi ġodda ekonomiċi. Hija qalet li l-gvern qiegħed iħares lejn startups li mhumiex iffukati biss fuq il-profitt finanzjarju imma li jaraw kif itejbu l-kwalità tal-ħajja.

Min-naħa tiegħu, is-Sur Kurt Farrugia rrefera għat-temi li se jiġu indirizzati matul l-attività ta’ din is-sena. Huwa qal li l-ewwel ftit sigħat tal-ewwel jum tal-festival se jservi biex l-istudenti jifhmu aħjar is-suġġett u l-opportunitajiet li jġib miegħu l-entrepreneurship. Farrugia qal ukoll li għall-ewwel darba l-parteċipanti għandhom iċ-ċans jippreżentaw l-ideat tagħhom lill-investituri lokali u barranin – uħud minn dawn se jkunu qed janalizzaw ix-xena tal-istartups f’Malta għall-ewwel darba.

Il-festival joffri l-opportunità  ta’ pariri minn kelliema internazzjonali li se jkunu qed jaqsmu l-esperjenza tagħhom f’kumpaniji fl-Amerka, fl-Ewropa u lil hinn. Matul din l-attività se jitħabbru inizjattivi ġodda mill-Gvern, immirati għall-istartups.

Ekonomija

Sport