Sunday, May 12, 2024

Emendi li huma sinjal ta’ kemm il-gvern jemmen fit-tisħiħ tal-ġurnaliżmu

Il-Ministru tal-Ġustizzja jippreżenta tliet abbozzi ta’ liġijiet intiżi biex jipproteġu lill-ġurnalisti

Aqra wkoll

Dawn l-emendi huma l-akbar sinjal ta’ kemm il-gvern jemmen fit-tisħiħ tal-ġurnaliżmu fit-tisħiħ tal-midja f’pajjiżna li issa se jkun tassew rikonoxxut bħala r-raba’ pilastru tad-demokrazzija ta’ pajjiżna. 

Qal dan ma’ talk.mt il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard bl-ewwel reazzjoni tiegħu wara li ppreżenta tliet abbozzi ta’ liġijiet intiżi biex jipproteġu lill-ġurnalisti u l-midja Maltija. 

Il-Ministru Attard beda biex jispjega li dawn l-abbozzi huma xhieda oħra ta’ kemm il-gvern beda minnufih jaħdem fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta Daphne Caruana Galizia. Huwa kompla biex jgħid li wara konsultazzjoni wiesgħa, b’mod ewlieni mal-familjari tas-sinjura Galizia, mal-Istatut tal-Ġurnalisti Maltin u ma’ Organizzazzjonijiet Internazzjonali ġew imħejjija tliet abbozzi ta’ liġi li l-Prim Ministru stess għadda fuq il-mejda tal-Kamra f’Jannar li għadda.

Kif irrakkomandat, twaqqaf Kumitat ta’ Esperti, immexxi mill-istess chair li mexxa l-inkjesta pubblika, l-Imħallef Emeritus Michael Mallia. Il-Ministru nnota b’sodisfazzjon li l-istess Kumitat qabel mal-maġġoranza tar-reazzjonijiet ippreżentati mill-gvern, proprju 87 fil-mija minnhom. 

L-ewwel abbozz se jara li jitwaqqaf b’liġi kumitat apposta biex jevalwa r-riskji u t-theddid fil-konfront ta’ ġurnalisti u professjonisti oħra fil-qasam tal-midja u persuni fil-ħajja pubblika.It-tieni abozz se jemenda diversi liġijiet u jintroduċi dispożizzjonijiet kontra l-proċeduri tal-iStrategic Lawsuits Against Public Participation (SLAPP) fil-liġijiet Maltin. Fil-Kodiċi Kriminali se jiddaħħal il-kunċett li jekk ikun hemm reat li jikkonsisti fi ħsara fuq persuna li jsir fuq ġurnalist jew persuna bi rwol fil-midja waqt li twettaq il-funzjonijiet tagħha, ir-reat jitqies bħala wieħed aggravat u l-piena tiżdied.

Fl-Att dwar il-midja u l-Malafama se jiddaħħlu wkoll dispożizzjonijiet Anti-SLAPP għax pajjiżna u l-gvern li jmexxih huma kontra l-ipparalizzar abbużiv ikkawżat minn proċeduri kriminali li jgħabbu bi spejjeż enormi lill-ġurnalisti u l-kmamar tal-aħbarijiet. Dan se jkun ifisser li pajjiżna se jkun fost l-ewwel stati membri tal-Unjoni Ewropea li jillegiżla biex jipproteġi lill-ġurnalisti minn dan kollu.

Fl-aħħar nett il-Gvern qed jipproponi emendi fil-kostituzzjoni inkluż b’artikolu ġdid li jirrikonoxxi l-libertà tal-midja u r-rwol tal-midja bħala għassies pubbliku flimkien mad-dritt tal-eżerċizzju ta’ ġurnaliżmu ħieles. Bl-istess mod se jingħata rikonoxximent tal-protezzjoni tal-ġurnalisti u s-sorsi tagħhom, se jitwessa d-dritt tal-privatezza kif ukoll se tissaħħaħ il-protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni. L-emendi beħsiebhom jissiġillaw fil-Kostituzzjoni l-obbligu tar-rispett lejn il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja u l-importanza tar-rwol ġurnalistiku. Dawn l-emendi se jkunu qegħdin isiru realtà ladarba approvati mill-Kamra tar-Rappreżentanti.

“Il-gvern iħares ‘il quddiem biex jara li l-kumitat tal-esperti dwar il-media jkompli bl-inkarigu tiegħu partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mal-professjoni ġurnalistika biex din tingħata r-rikonoxximent li jistħoqqilha”, temm jgħid il-Ministru.

Sport