Friday, November 15, 2024

Il-Gvern se jagħmel tajjeb għall-għoli fil-prezz tal-magħlef

Aqra wkoll

Attakk li sar mill-Oppożizzjoni huwa dwar l-għajnuna ta’ €15,000 li se tkun qiegħda tingħata għaż-żieda fil-prezz tal-magħlef għar-raħħala Maltin u Għawdxin fejn ingħad li mhuwiex sewwa għal min għandu ftit u min għandu ħafna, għax dawn se jieħdu l-istess. B’reazzjoni għal dan, il-Ministru għall-Agrikoltura u s-Sajd, Anton Refalo, fil-Parlament sostna li dan l-ammont permess mill-Ewropa huwa għajnuna miżjuda lir-raħħala tagħna. Dan minħabba li l-Gvern diġà jgħin bil-kbir lil dan is-settur permezz tal-iskema eżistenti li tnediet sakemm jerġa’ jkun hemm stabbiltà fil-prezzijiet.

“Kif jaf kulħadd, qiegħda tingħata d-differenza minħabba l-għoli tal-prezz tal-ġwież, kif kien u kif inhu llum. Allura, b’dak it-temporary price stabilisation scheme sezzjoni bħal fosthom tal-majjal, huma sodisfatti bil-fatt li l-Gvern qiegħed jagħti d-differenza. Imbagħad għandek is-settur l-ieħor tar-raħħala li dawn jagħtu l-imgħalef lill-baqar tagħhom,” spjega l-Ministru Refalo.

Permezz ta’ din l-għajnuna addizzjonali li se tingħata u hija stabbilita mill-Ewropa, il-Gvern se jagħmel tajjeb għall-għoli fil-prezz tal-magħlef. Dan b’differenza għal dak li għamel il-Partit Nazzjonalista fejn fi kliem il-Ministru Refalo stess, “il-PN ħa ħsieb biss lil dawk li jkabbru t-tadam u lir-raħħala. Tal-ħalib biss ħalla barra u ma ta kasu xejn. Hemmhekk, allura, aħna qegħdin nagħtu €15,000 lil dawn ir-raħħala li jrabbu l-baqar. Però, aħna tajna lil kulħadd l-istess”.

“Qegħdin nerġgħu nagħtu serħan il moħħ lil 7,500 bidwi”
Fl-intervent tiegħu l-Ministru Anton Refalo ċċara punt ieħor. Din id-darba jmiss lill-bdiewa tagħna fejn jidħol il-prezz tal-qbiela. Il-kwistjoni tal-qbiela kienet ilha sejra żmien twil u “kollox kien jitpoġġa taħt it-tapit” fejn anke kien hemm bdiewa li kienu jiffaċċjaw li jiġu żgumbrati mir-raba’ tagħhom.

Filwaqt li xejjen attakk ieħor li l-Gvern ma jafx x’inhuwa jagħmel, il-Ministru Refalo ppreċiża li ġie ppubblika l-avviż legali li bih, “qegħdin nerġgħu nagħtu serħan il moħħ lil 7,500 bidwi. Dan għax issa għamilna sistema ġusta kemm għall-bdiewa, kif ukoll għas-sinjur li għandu r-raba’ fejn tidħol il-valutazzjoni tal-art.

B’dan l-avviż legali qegħdin nagħmlu qabża ta’ kwalità u kif taf din il-Kamra, aħna diġà daħħalna l-emendi tal-Kap 199 tal-liġijiet ta’ Malta wara li għamilna l-Whitepaper ħalli nuru l-viżjoni li għandu l-Gvern f’dan is-settur. Issa għamilna l-avviż legali li l-Oppożizzjoni kienet ilha żmien twil tistaqsi kif se nistmaw il-kera tar-raba’ agrikola.

Tajna bażi dwar valutazzjoni x’għandu jkun l-istandard output però, imbagħad, naturalment ikollok ċertu fatturi oħra li jżidu l-prezz tal-qbila. Naħseb li din hija soluzzjoni tajba għax għamilna xi ħaġa ġusta u importanti”.

Huwa qal li l-Gvern preżenti qiegħed jagħmel revoluzzjoni fejn tidħol il-qbiela tar-raba’ tal-privat u żied li, “f’sena li reġa’ fit-tmun tal-pajjiż, Gvern Laburista, wettaq dak li wiegħed u qiegħed jagħti ċertezza legali f’ din il-kwistjoni tal-qbiela”.

It-tonn: Gvern li mexa b’ġustizzja għax ta lil kulħadd
L-aħħar settur li tkellem dwaru kien dak tas-sajd. Għal darb’oħra l-Ministru Refalo kellu jmiss is-suġġett tat-tonn minħabba akkużi min-naħa tal-Oppożizzjoni li ma kienx hemm konsultazzjoni u li t-tonn tqassam kif riedu. “Dan m’huwa veru xejn. Anzi, għamilna diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-koperattiva waħda li hemm.

Però, għax aħna konna nafu li din il-koperattiva ma tirrapreżentax lis-settur kollu, għamilna diversi laqgħat mas-sajjieda kollha bil-għan li naraw x’inhija l-opinjoni tagħhom qabel ma rajna kif qassamna l-kwoti tat-tonn”.

Huwa spjega li meta dan sar, tqasmu biss l-44 tunnellata żejda li bħala Gvern irnexxielu jġib mill-ICCAT li hija responsabbli mill-kwota tat-tonn li tagħtiha lill-Ewropa imbagħad il-Gvern jieħu l-porzjon tiegħu. Filwaqt li nsista li l-kwota hija tal-Gvern, il-Ministru Refalo qal li, “min imur jaħdem il-kwota tat-tonn aħna nippremjawh.

Allura skont l-Onor. Bezzina, inħallu barra lil tas-sectorail, inħallu barra lis-sajjieda żgħażagħ, inħallu barra wkoll lill-MFAs li m’għandhomx kwota, inħallu barra lil MFBs u jieħdu biss dawk li għandhom il-historical?”

Hawnhekk il-Ministru tal-Agrikoltura u s-Sajd iċċara li dawn għandhom 72% tal-kwota u li bħala Gvern mexa b’ġustizzja għax ta lil kulħadd. ”Naħseb li l-Gvern qiegħed juri biċ-ċar kemm għandu għal qalbu dan is-settur. Mis-sena ddieħla qegħdin naraw kif nagħmlu linji gwida biex il-kundizzjonijiet ikunu ċari ħalli ma jkunx hemm inġustizzji. Hawn nirringrazzja lill-koperattiva li diġà tatna linji gwida ħalli flimkien infasslu linji gwida li jagħmlu ġieħ lil dan is-settur,” temm il-Ministru Anton Refalo.

Ekonomija

Sport