Sunday, November 10, 2024

“Il-gvern se jibqa’ jgħin għall-kontroll fil-prezzijiet sakemm ikun hawn stabbiltà”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fit-tnedija tad-dokument ta’ qabel il-Baġit 2023, il-Ministru tal-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana sostna li l-Gvern mhu se jdaħħal ebda piżijiet ġodda la fil-Baġit, la wara l-budget, la wara l-Milied u lanqas is-sena d-dieħla. Dan minkejja li s-sena d-dieħla, l-għajnuna tal-Gvern biex il-kontijiet tad-dawl u l-gass jibqgħu stabbli se tiżdied minn €472 miljun dis-sena għal aktar minn €600 miljun is-sena d-dieħla.

Il-Ministru għall-Finanzi qal li grazzi għall-politika ekonomika u fiskali tal-pajjiż, is-sena d-dieħla l-ekonomija tista’ tikber b’4 fil-mija anke meta wieħed iqis li din niżlet għal disa’ fil-mija matul il-pandemija. Dan għall-kuntrarju ta’ dak imbassar fl-Italja, fejn hu previst li l-ekonomija tal-pajjiż tiċkien b’0.7 fil-mija.

Pajjiżna bi tbassir ta’ tkabbir ekonomiku ta’ 4 fil-mija

Il-Ministru saħaq li l-qofol ta’ dan kollu huwa s-suq tax-xogħol u qabbel dan il-fattur mal-qalb li taqdi funzjoni kruċjali biex tħaddem il-kumplament tal-ġisem uman. Huwa qal li dawn ir-riżultati ma kinux ikunu possibbli li kieku m’għandniex suq tax-xogħol b’saħħtu li minn fost l-iċken swieq tax-xogħol fl-Ewropa, illum sar it-tmien l-ikbar fl-Unjoni Ewropea. Qal li dan seħħ bis-saħħa tal-miżuri li ttieħdu fl-aħħar snin biex aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol anke b’deċiżjonijiet importanti li ħa l-gvern bħalma kienet dik ta’ childcare b’xejn għall-familji kollha. Qal li l-mira tal-Gvern hi li sal-2025, ikollna xejn inqas minn 84 fil-mija tal-popolazzjoni bejn il-15 u l-64 sena li jkunu fis-suq tax-xogħol. “Qabel lanqas kien ikollna sitta minn kull għaxra, illum qbiżna t-tmienja u sakemm ikollna dan il-mutur, daqstant ieħor se jibqgħu b’saħħithom l-ekonomija u l-finanzi tal-pajjiż”, sostna l-Ministru Caruana

Dawk jistrieħu fuq il-benefiċċji soċjali naqsu minn 17,000 għal 6,000

Fejn jidħol il-qgħad, meta nikkumparaw lil pajjiżna mal-medja tal-unjoni ewropea, f’pajjiżna għandna inqas min-nofs tal-medja fl-Ewropea. Dan hekk kif il-medja fl-Unjoni Ewropea hija ta’ 6 fil-mija filwaqt li dik f’pajjiżna hija ta’ 2.9 fil-mija.

Ir-rata ta’ qgħad f’pajjina b’inqas min-nofs tal-medja fl-Unjoni Ewropea

Fl-2013 u fl-2014 f’pajjiżna kien hawn mas-17,000 persuna li kienu jieħdu l-għajnuna soċjali magħrufa aktar bħala r-relief. Illum dawn niżlu għal 6,000 u għaddejja ħidma biex dawn ikomplu jonqsu b’aktar nies li qegħdin jinqalaw mix-xibka soċjali u jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Fejn tidħol l-inflazzjoni qegħdin niġru maratona u mhux ġirja ta’ 100 metru

Rigward iż-żieda fil-prezzijiet, Il-Ministru qal li mhix b’kumbinazzjoni li f’pajjiżna għandna l-inqas żieda b’aktar stabbiltà. Caruana qal li grazzi għall-miżuri li ħa l-gvern f’dawn l-aħħar snin ta’ sfidi, irnexxielna nżommu l-inflazzjoni milli terfa’ rasha anke jekk it-tbassir kien juri mod ieħor. 

Tkellem rigward il-kumpens tal-għoli tal-ħajja li se jkun iktar minn €9 iżda inqas minn €10. Sostna li li kieku ma tteħdux id-deċiżjonijiet li ttieħdu, kieku r-rata tal-inflazzjoni ma kinitx tkun dik ta’ 6.8 fil-mija, imma kienet taqbeż l-10 fil-mija u anke aktar. 

“Li kieku ż-żieda għall-għoli tal-ħajja kienet tlaħħaq l-€24 fil-ġimgħa bil-konsegwenza li n-negozji ma setgħux ilaħħqu magħha”, irrimarka Caruana.

Fakkar li bħalma qal fil-passat, din se tkun maratona fit-tul u mhux ġirja ta’ 100 metru.  Għalhekk huwa importanti l-ħsieb u d-determinazzjoni li l-finanzi tal-pajjiż jitmexxew b’għaqal, b’reqqa kbira għax kollox jibqa’ jżomm sakemm il-gvern jibqa’ jiflaħ. Saħaq fuq il-konvinzjoni tiegħu li l-gvern jibqa’ jiġri wara kull ewro dovut lilu, waqt li jibqa’ attent fuq l-ispiża tiegħu.

Id-dejn se jibqa’ stabbli

Sostna li minkejja nefqa ta’ €825 miljun f’wage supplement u kważi nofs biljun ewro fl-enerġija, fost għajnuniet oħra,  xorta waħda mbassar li d-dejn jibqa’ stabbli fil-livell ta’ 57.6 fil-mija. Madankollu qal li ma nistgħux insolvu l-problemi tal-lum, u noħolqu problemi għall-ġenerazzjonijiet tal-futur u għalhekk id-dejn jeħtieġ li ma jaqbiżx is-60 fil-mija.

“Ma jagħmilx sens li nwaqqfu kollox, inżidu l-kontijiet u l-piżijiet. Dan se jibqa’ jsir sakemm naraw li l-affarijiet jistabbilizzaw ruhom. Mhux il-waqt li nirtiraw u naqtgħu nifisna u għalhekk l-isforz irid jibqa’ għaddej għax dak li qed nagħmlu ma jistax isir suf”, qal Caruana filwaqt li assigura li l-gvern se jibqa’ joffri l-għajnuna biex tinżamm l-istabbiltà anke wara l-Milied.

Ir-rata ta’ dejn f’pajjiżna ferm inqas minn dik mill-medja tal-bqija tal-Unjoni Ewropea

Huwa qal dan minħabba l-għajdut ta’ dawk li qegħdin ibeżżgħu jew oħrajn li x’aktarx jixtiequ li l-pajjiż imur f’direzzjoni oħra fejn tidħol l-ekonomija. Huwa qal li minkejja dan kollu l-gvern se jara li ma jixteħtux piżijiet ġodda la fil-budget, la wara, la fil-Milied u lanqas is-sena li ġejja biex f’pajjiżna tkun żgurata l-istabbiltà. 

Il-Ministru Caruana qal li fl-2020, id-dejn tal-pajjiż kien ilaħħaq id-9.5 fil-mija, is-sena l-oħra niżel għal 8 fil-mija u dis-sena se jonqos għal 5.8 fil-mija, miri li ftit tax-xhur ilu kien hemm min kien xettiku li setgħu jintlaħqu.

Tbassir li d-dejn f’pajjiżna jibqa’ stabbli sal-2027

Dwar it-tnaqqis fin-nefqa tal-gvern, huwa assigura li l-ispiża se tal-gvern fl-investiment kapitali tal-pajjiż se tkompli tiżdied u mhux tonqos. Spjega li l-gvern qed jipprijoritizza u jara li juża aħjar il-fondi Ewropej fejn jidħlu l-proġetti kapitali. Qal li l-ħsieb huwa li jintlaħaq bilanċ sottili dwar kif ir-rota tibqa’ ddur b’tali mod li l-finanzi tal-pajjiż jibqgħu b’saħħtihom ukoll.

Il-Ministru tal-Finanzi qal li dis-sena, l-isfida tal-enerġija swiet lill-pajjiż tlieta fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross tal-pajjiż. Qal li s-sena d-dieħla l-ispiża se titla’ għal €600 miljun. Minkejja li l-ispiża tal-gvern se tiżdied, il-Ministru sostna li l-mira hija li d-dejn tal-pajjiż ikompli jonqos.

Minn 6 ċenteżmi għal 54 ċenteżmu għal kull unit

Rigward il-prezzijiet tal-enerġija l-Ministru rrerefra għal filmati meħudin mill-midja Taljana li juru żidiet li jlaħħqu l-500 fil-mija f’żidiet meta mqabbla mas-sena li għaddiet. Huwa qal li dan jikkonferma l-kuntest ta’ dak li għaddej f’pajjiżi oħrajn u li meta wieħed iqabbel dak li għaddej f’pajjiżna mat-tmexxija ta’ gvernijiet oħra ewropej jista’ jikkumpara sew dak kollu spjegat minnu. 

Huwa ta rendikont ukoll ta’ kemm qed jiswa unit ta’ enerġija mill-interconnector. Qal li fl-aħħar sena dan żdied b’400 fil-mija, jiġifieri minn medja ta’ 6 ċenteżmi għal għal 54 ċenteżmu għal kull unit.

Il-Ministru saħaq li minkejja li l-prezzijiet tal-gass splodew fuq livell internazzjonali, iktar minn qatt qabel il-gvernijiet iridu jintervjenu għax jekk dan ma jsirx il-vittmi fis-settur privat ikunu bl-eluf. 

“Filwaqt li fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, se naraw popli jipprotestaw fix-xitwa u bliet mitfija, f’Malta se naraw li l-ħajja tibqa’ għaddejja b’mod normali u nassigraw li jkollna stabbiltà iktar minn qatt qabel”, tenna l-Ministru. 

Preżenti għat-tnedija tad-dokument ta’ qabel il-baġit f’isem il-GWU kien hemm is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja u d-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri.

Sport