Wednesday, September 30, 2026
Home Internazzjonali Il-Gvernatur ta’ Tennessee jirrifjuta li jwaqqaf l-eżekuzzjoni ta priġuniera mara

Il-Gvernatur ta’ Tennessee jirrifjuta li jwaqqaf l-eżekuzzjoni ta priġuniera mara

0
63

Il-Gvernatur ta’ Tennessee, Bill Lee, irrifjuta talba biex tingħata maħfra lill-priġuniera Christa Pike, li hija l-unika mara fl-istat ta’ Tennessee li qed tistenna t-twettieq tal-piena tal-mewt li hija skedata li tiġi eżegwita permezz ta’ injezzjoni letali llum l-Erbgħa.

Pike, li llum għandha 50 sena, kellha 18-il sena meta hi u l-għarus tagħha ta’ dak iż-żmien sawtu, ittorturaw u qatlu lil Colleen Slemmer, tfajla ta’ 19-il sena li kienu ltaqgħu magħha fi programm ta’ taħriġ għax-xogħol immirat lejn żgħażagħ bi problemi fl-imġiba.

Jista’ jkun li għad fadlilha ċans wieħed biex twaqqaf l-eżekuzzjoni tagħha, hekk kif l-avukati li qed jiddefenduha ppreżentaw petizzjoni lill-Qorti Suprema tal-Istati Uniti bit-tama li jiksbu sospensjoni tal-aħħar minuta.

Jekk il-proċess ikompli, Pike tkun l-ewwel mara li tingħta l-forka f’Tennessee f’aktar minn 200 sena. Minn mindu bdew is-snin sebgħin, fl-Istati Uniti ġew ikkundannati għal mewt 18-il mara biss, meta mqabbla ma’ 1,663 raġel.

“Wara konsiderazzjoni bir-reqqa tat-talba ta’ Christa Gail Pike għall-maħfra, u wara analiżi dettaljata tal-każ, qed nikkonferma s-sentenza tal-Istat ta’ Tennessee u m’għandix il-ħsieb li nintervjeni,” qal il-Gvernatur Lee fi stqarrija.

It-tim legali ta’ Pike kien ressaq it-talba għall-maħfra aktar kmieni dan ix-xahar, fejn talab li s-sentenza tal-mewt tagħha tinbidel f’priġunerija għal għomorha.

Il-proċediment bl-eżekuzzjoni ta’ Pike ipoġġi lil Tennessee f’pożizzjoni unika, qalu l-avukati tagħha, hekk kif hija tkun l-ewwel persuna li l-istat li tingħata l-forka fl-era moderna tal-piena tal-mewt li kienet għadha adolexxenti fiż-żmien tar-reat.

Il-qtil ta’ Colleen Slemmer qajjem sensazzjoni kbira fil-midja ta’ Knoxville, Tennessee, fl-1995, meta ż-żagħżugħa ta’ 19-il sena nstabet b’pentagramma – simbolu ta’ ritwal Sataniku – imnaqqxa fuq sidirha.

Pike kienet akkużat lil Colleen li insultatha u li ppruvat tisraqilha l-għarus tagħha. Żewġ residenti oħra fil-kamp aktar tard xehdu li Pike kienet tiftaħar bil-qtil kemm qabel kif ukoll wara li seħħ, u li kienet uriethom biċċa mill-kranju ta’ Colleen.

Sena wara, hija nstabet ħatja ta’ qtil tal-ewwel grad u ġiet ikkundannata għall-mewt, filwaqt li l-għarus tagħha ta’ dak iż-żmien, Tadaryl Shipp – li kellu 17-il sena – ingħata sentenza ta’ ħabs għal għomor bil-possibbiltà ta’ ħelsien bikri (parole).

Fiż-żmien tal-priġunerija tagħha, iż-żagħżugħa ta’ 21 sena kienet l-iżgħar persuna li kienet qed tistenna l-eżekuzzjoni tal-piena tal-mewt, skont id-Dipartiment tal-Ħabsijiet ta’ Tennessee.

Omm il-vittma Colleen insistiet li trid li l-eżekuzzjoni ta’ Pike tipproċedi kif deċiż sabiex bintha “tkun tista’ ssib il-mistrieħ”.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here