Sunday, December 22, 2024

Il-GWU b’aktar proposti favur il-konsumaturi Maltin

Aqra wkoll

Hekk kif ninsabu ġimgħat biss bogħod minn baġit ieħor ippreżentat minn Gvern Laburista, il-GWU mill-ġdid hija fuq quddiem nett fil-proposti tagħha favur il-konsumaturi.

Fil-fatt, minkejja li l-inflazzjoni f’Malta ma kinitx għolja daqs ta’ ċertu pajjiżi Ewropej oħrajn, u dan grazzi għad-deċiżjoni tal-Gvern li jibqa’ jissusidja l-kontijiet tal-enerġija, il-GWU xorta waħda hija mħassba dwar iż-żieda fil-prezzijiet l-aktar dawk tal-prodotti tal-ikel u affarijiet oħrajn li għandhom x’jaqsmu mal-kostruzzjoni.

Kien għalhekk li l-GWU qiegħda tipproponi dik li tisejjaħ ‘windfall tax’. Din hija taxxa ta’ darba li diversi pajjiżi, fosthom dawk Ewropej, qegħdin jużaw fuq profitti eċċessivi. Kien hemm pajjiżi Ewropej li daħħlu din it-taxxa fuq l-enerġija u hemm oħrajn li saħansitra daħħluha fuq il-banek.

Hu f’dan il-kuntest li l-GWU qiegħda tipproponi din it-taxxa ta’ darba fuq il-prezzijiet tal-ikel u affarijiet li huma relatati mal-kostruzzjoni biex b’hekk tiġi kkontrollata aktar l-inflazzjoni.

Il-GWU qiegħda tipproponi li l-awtoritajiet jaraw il-profitt tal-2019, li jfisser qabel ma kien hawn il-pandemija tal-Covid-19, u dawn jitqabblu ma’ tas-sena l-oħra. Id-differenza fil-profitt għandha tiġi ntaxxata b’rata aktar għolja min-normal.

B’dan il-mod, il-GWU ssostni li jkun ta’ deterrent biex ħadd aktar ma jkompli jabbuża mill-prezzijiet. 

Il-GWU qiegħda tipproponi wkoll li jkun hemm ‘soft loans’ biex jiġu megħejuna l-importaturi ż-żgħar. Dan biex huma jkollhom il-possibilità li jimpurtaw aktar bil-bulk u b’hekk jiġu stabbilizzati aktar il-prezzijiet fuq aktar medda ta’ żmien.

Proposta li qed tressaq ‘il quddiem il-GWU hija li l-prezzijiet kollha tas-setturi msemmija aktar ‘il fuq jiġu ppubblikati f’website biex il-konsumaturi jkunu jafu eżatt kemm suppost qiegħed jinxtara dak il-prodott partikolari. 

B’dan il-mod, jekk konsumatur imur f’ħanut u jsib prodott partikolari ogħla aktar milli jkun immarkat fuq il-website, ikollu l-għażla li jfittex ħanut ieħor minn fejn jixtri l-prodott li jixtieq.

Ekonomija

Sport