Wara diversi tentattivi min-naħa tal-General Workers’ Union għal negozjati ta’ ftehim kollettiv ġdid mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali mingħajr ebda progress min-naħa tal-maniġment, il-GWU qed tirrikorri għal azzjoni industrijali. Hekk kif lura fl-ewwel kwart tas-sena 2021 il-GWU kienet talbet li jibdew in-negozjati ta’ ftehim kollettiv ġdid, dawn in-negozjati bdew jieħdu fit-tul mingħajr l-ebda progress meħtieġ.
Infatti s-sajf li għadda l-GWU kienet irreġistrat tilwima industrijali minħabba li l-maniġment (li jinkorpora l-maniġment tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, it-Taqsima għar-Relazzjonijiet Industrijali – IRU u l-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħlijiet) kien qed jieħu wisq żmien, u l-kontroproposti finanzjarji qatt ma ġew ippreżentati.
Tilwima industrijali li ġiet irtirata wara laqgħa ta’ medjazzjoni, li kienet ippreseduta mid-DIER, fejn il-maniġment qabel li jippreżenta u ppreżenta l-finanzi. Minn hawnhekk għalkemm il-GWU kompliet tibgħat tfakkar lill-maniġment biex ikomplu jaħdmu fuq in-negozjati, il-maniġment baqa’ ma weġibx u għalhekk ġie nfurmat li l-GWU kienet se tirreġistra azzjoni industrijali minħabba n-nuqqas ta’ progress. Għalkemm il-maniġment talab għaxart ijiem oħra minħabba xi sitwazzjonijiet interni.
Talba li ġiet milqugħa min-naħa tal-GWU, sfortunatament, il-maniġment reġa’ ma rrispettax dan il-perjodu u għalhekk il-GWU issa ddikjarat azzjoni industrijali. Il-membri tal-GWU fis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ngħataw struzzjonijiet biex ma jieħdu ebda telefonata relatata max-xogħol (inklużi kemm fuq linja fissa kif ukoll fuq il-mowbajl) mil-lum il-Ġimgħa 02 ta’ Diċembru 2022.
Dawn l-azzjonijiet industrijali se jibqgħu fis-seħħ sakemm il-GWU tavża mod ieħor.