Friday, April 26, 2024

“L-eliminazzjoni hija l-agħar ġurnata ta’ ħajti”

Hansi Flick - il-coach tal-Ġermanja

Aqra wkoll

Hekk kif il-Ġermanja sfaw eliminati mit-Tazza tad-Dinja, il-kariga tal-coach, Hansi Flick, hija taħt il-mikroskopju.

Dan il-pajjiż meqjus bħala wieħed mill-ġganti fil-football mondjali sofra umiljazzjoni għat-tieni darba konsekuttiva meta ma rnexxielux javvanza għar-round tal-Aħħar 16.

It-team immexxi minn Flick kien fost il-favo­riti flimkien ma’ Spanja biex ikompli javvanza f’din il-kompetizzjoni, liema grupp kien jikkonsisti wkoll fil-Costa Rica u l-Ġappun.

Iżda minflok, il-Ħamis filgħaxija bdew jippakkjaw il-bagalji biex imorru lura lejn pajjiżhom f’lejla ta’ kontroversja.

L-eks coach ta’ Bayern Munich rebaħ l-ewwel tmien partiti fit-tmun tal-Ġermanja iżda mbagħad it-team bħal donnu daħal fi kriżi li kien milqut biha fl-akbar manifestazzjoni mondjali.

Flick stqarr li din kienet l-agħar ġurnata ta’ ħajtu u talab apoloġija mal-poplu Ġermaniż.

“Irrid nitlob skuża lil kull partitarji Ġermaniż għal din l-eliminazzjoni bikrija.

“M’iniex bla kliem. Kont diżappuntat u rrabjat  mal-players fl-ewwel taqsima. Daħħalna lill- avversarju fil-logħba permezz ta’ żbalji u traskuraġni. Minkejja dan irbaħna l-logħba.

“Iżda l-eliminazzjoni tagħna ma seħħitx kontra l-Costa Rica iżda f’20 minuta kontra l-Ġappun. Stajna rbaħna kontra Spanja bi ftit aktar konċentrazzjoni.  Id-diżappunt huwa wieħed kbir.

“Irrid nistqarr ukoll li ċerti players ma wrewx l-impenn massimu tagħhom. Fallejna ħafna okkażjonijiet fl-ewwel taqsima u ppruvajna nagħmlu l-aħjar fit-tieni taqsima.

“Madankollu, il-kontribut tagħna ma sewa għal xejn għall-fatt li issa ninsabu fi triqitna lejn pajjiżna.  Id-diżappunt tiegħi huwa kbir … bħal ma huwa tal-istaff tekniku.”

Sport