Tuesday, April 30, 2024

“Pass ċkejken ‘il quddiem iżda sinjifikanti”

Prof. Charles Scerri dwar l-iżvilupp ta' mediċina li tista’ toffri tama għal pazjenti bi stadju bikri tad-dimensja

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Mument importanti fil-qasam tax-xjenza medika hekk kif wara deċenji ta’ tentattivi li ma rnexxewx, fl-aħħar jidher li nstabet mediċina li tnaqqas il-proċess tal-qerda tal-moħħ f’persuni bil-kundizzjoni tal-Alzheimer’s.

Dan il-mument importanti, għalkemm huwa pass ċkejken wara diċennji ta’ riċerka, jiftaħ era ġdida ta’ mediċini li jistgħu jintużaw biex ikunu mnaqqsa l-effetti tal-Alzheimer’s.

Dan se jkun ifisser li dawk li jgħixu b’din il-kundizzjoni, li hija l-aktar forma komuni tad-dimensja jistgħu jkunu qegħdin jiġu kkurati għalkemm f’dan l-istadju s-sitwazzjoni hija waħda dibattibbli.

L-effett tal-mediċina, Lecanemab huwa żgħir u l-mediċina taħdem biss fl-istadji bikrin tal-marda. Fejn il-kundizzjoni tkun waħda avvanzata, il-mediċina ftit li xejn tista’ taħdem u b’hekk għal dawn il-persuni din mhijiex titqies bħala aħbar rivoluzzjonarja.

Dwar dan l-iżvilupp fil-mediċina, talk.mt ħa l-kummenti tal-Professur u riċerkatur tal-istudji dwar il-kundizzjoni tad-dimensja Charles Scerri li b’mod kawt iktar milli ottimist qal li din il-mediċina tnaqqas l-indeboliment konjittiv u ttejjeb l-attivitajiet tal-ħajja ta’ kuljum f’individwi bi stadju bikri tal-marda ta’ Alzheimer. 

Madankollu, din il-mediċina mhux se tkun fis-suq (disponibbli għall-pazjenti) b’mod immedjat billi l-kumpanija għad trid tapplika għall-approvazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji li l-ewwel iridu jevalwaw id-dejta kollha. 

Prof. Scerri qal li l-mediċina, li hija antikorp monoklonali dirett kontra l-‘plaques’ li huma preżenti fil-moħħ ta’ dawn l-individwi, se tkun rakkomandata biss għal individwi bil-marda ta’ Alzheimer fl-istadji ħfief u bikrija tal-marda.

Huwa kompla jfisser illi ġew osservati xi effetti sekondarji importanti f’numru ta’ pazjenti u għalhekk individwi li se jkunu qed jirċievu din it-terapija jridu jiġu mmonitorjati ta’ spiss. 

Monitoraġġ bħal dan jinvolvi tagħmir speċjalizzat u paramediċi b’ħiliet kbar u ħafna sistemi tas-saħħa madwar id-dinja sempliċement għad mhumiex ippreparati għal dan.

Prof Scerri stqarr li għalkemm it-tnaqqis fl-indeboliment konjittiv kien wieħed sinifikanti b’danakollu xorta waħda huwa pass żgħir.

Filwaqt li qal li din il-mediċina ġdida hija biss għall-marda ta’ Alzheimer u mhux għal xi forom oħra ta’ dimenzja stqarr ukoll li din il-mediċina mhix rakkomandata għal dawk li l-kundizzjoni tagħhom tal-marda tkun waħda moderata jew severa. Għalhekk, individwi li jistgħu jibbenefikaw minn terapija bħal din jeħtieġ li jiġu djanjostikati fl-istadji bikrija ħafna.

Dawn il-mediċini ġeneralment ikunu għaljin ħafna, jiswew għexieren ta’ eluf ta’ ewro għal kull pazjent fis-sena. Mhux ċar lanqas għal kemm din il-mediċina trid iddum tittieħed.

Waqt li qal li dan huwa pass żgħir ’il quddiem meta jitqies li fil-passat ftit li xejn kien hemm żviluppi li permezz tagħhom seta’ jiġi modifikat il-proċess tal-marda, illum għandna mediċini fis-suq iżda dawn huma maħsuba biex jimmaniġġjaw is-sintomi aktar milli biex jimmodifikaw direttament ir-rotta tal-marda

Sport