Wednesday, April 17, 2024

Uffiċjal jammetti li nqatlu aktar minn 300 persuna

Inkwiet li nqala’ wara l-mewt ta’ tfajla li ma libsitx skont il-kodiċi tar-reliġjon Iżlamika

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Protesti mal-pajjiż kollu tal-Iran li bdew wara l-mewt ta’ tfajla li kisret il-kodiċi tal-lbies rikjest mir-reliġjon Iżlamika wasslu biex jinxtered id-demm fit-toroq. Attivisti qegħdin jisħqu li 451 dimostranti u 60 membri tal-forzi armati nqatlu f’dawn il-protesti però ġeneral tal-armata Iranjana wara li dam biex jammetti dan il-qtil ta’ nies ċivili, qal biss li n-numru tal-mejta huwa ta’ aktar minn 300 persuna.

Wara skiet min-naħa tal-awtoritajiet Iranjani, issa ħareġ uffiċjalment li ħafna minn dawk li tilfu ħajjithom f’dawn il-protesti kienu nies ċivili u “normali” Iranjani li lanqas biss kienu involuti fil-protesti nnfushom. Kien il-ġeneral Amir Ali Hajizadeh, il-kmandant tad-diviżjoni tal-ajru, li ammetta li seħħu dawn il-qtil. Dan il-ġeneral kien ikkwotat li qal, “aktar minn 300 persuna nqatlu, inklużi martri”, liema martri huwa maħsub li rrefera għall-membri tas-sigurtà tal-Istat. 

Barra l-imwiet 18,000 persuna oħra ġew arrestati…

Fil-protesti li qegħdin jheżżu l-pajjiż kollu f’dawn l-aħħar xahrejn, in-numru tal-vittmi uffiċjali huwa pjuttost baxx minn dak ir-rapportat mill-attivisti għad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran stess. Dan il-grupp qiegħed jinsisti li mill-bidu li nqala’ l-inkwiet f’Settembru li għadda, li t-total tal-persuni maqtula huwa ta’ 511 fosthom 60 membri tas-sigurtà u li aktar minn 18,000 persuna ġew arrestati.

Il-protesti fuq skala nazzjonali li bdew wara l-mewt ta’ Mahsa Amini li kellha 22 sena waqt li kienet f’idejn il-pulizija f’Tehran eskalaw f’għajta kollettiva biex jieqfu l-prattiċi Iżlamiċi estremi li ilhom imbottati mill-mexxejja Iranjani minn mindu seħħet ir-revoluzzjoni tal-1979.

Id-dimostanti qegħdin jisħqu li ma jifilħux aktar għall-oppressjoni soċjali u politika li qegħdin isofru u xejnu għajdut li wara l-protesti tagħhom hemm xi aġenda politika barranija. F’dawn il-protesti li issa daħlu fit-tielet xahar tagħhom, il-forzi tas-sigurtà huma rrapportati li qegħdin jużaw balal proprji kif ukoll balal tal-lastiku u gas tad-dmugħ biex jikkontrollaw il-folol. 

Min-naħa tiegħu l-Iran qiegħed jirrifjuta li jikkopera mal-Kunsill tal-Ġnus Magħquda għad-Drittijiet tal-Bniedem li talab li jmur fil-pajjiż ħalli jikkonferma kemm verament mietu nies f’dawn il-protesti nazzjonali.

Minkejja l-vjolenza fatali li rriżutat f’dan l-attentat mill-poplu Iranjan biex isemma’ leħinu, id-dimostranti għadhom mifruxa jipprotestaw fit-toroq tal-bliet tal-pajjiż.

Ekonomija

Sport