Thursday, January 26, 2023

L-importanza li niffukaw aktar fuq l-edukazzjoni milli fuq l-emozzjonijiet

Katya De Giovanni - Psikologa u Membru Parlamentari

Aqra wkoll

Il-każ li ġara f’dawn l-aħħar jiem ġegħelni nirrifletti sew dwar ir-rwol tagħna fis-soċjetà sabiex nevitaw kemm jista’ jkun li jerġa’ jiġri każ ieħor bħal dan. Is-sitwazzjoni nnifisha tidher li kienet effett ta’ rabja kbira li sfortunatament ġiet immaniġġjata b’mod ħażin. Ma nistgħux issa nidħlu fid-dettall tal-każ għaliex inkunu qegħdin ninfluwenzaw l-eżitu tal-inkjesta li qed issir minn żewġ ministeri konġunti: dak immexxi mill-Ministru Dr Jonathan Attard u l-ieħor immexxi mill-Ministru Dr Byron Camilleri.

Xi mdaqqiet kulħadd iħossu li ġie ttradut mill-ħajja. Daqqa mill-ħbieb u daqqa anke mill-familjari. F’każijiet hekk inħossuna rrabjati u kultant saħansitra daharna mal-ħajt. Jekk ma nkunux trabbejna f’ambjent fejn dak li jkun jaffronta r-rabja b’mod kalm, mela qajla hemm ċans li se nirreaġixxu tajjeb. Għaldaqstant l-enfasi tmur fuq l-edukazzjoni. U se ngħidha kif inhi: għamilna avvanzi ta’ ġgant fis-settur permezz tal-introduzzjoni tal-Personal and Social Education f’pajjiżna iżda hemm bżonn li jsir ħafna aktar. Li fejn inħossuna li mhux qed nikkontrollaw, nitgħallmu nagħrfu s-sitwazzjoni u jew nitolbu għall-għajnuna psikoloġika nkella nużaw ċertu skills li nkunu tgħallimna sabiex negħlbu s-sitwazzjoni.

Meta jiġru sitwazzjonijiet bħal ta’ din il-ġimgħa, wieħed juża l-aktar affarijiet għeżież sabiex jikkontrolla s-sitwazzjoni. Dr Mark Xuereb stqarr li t-tfal kienu strumentali sabiex ir-raġel jinħareġ mid-dar. Huwa stat ta’ fatt li l-missier ma kienx qed jirraġuna meta għamel dan l-att u dan jidher ċar għaliex reġa’ mar lura d-dar għan-normalità. F’għajnejn din il-persuna, għalih kulma xtaq hu li jibqa’ f’kuntatt ma’ wliedu u mingħajr ma ntużat ebda raġuni, ried jilħaq l-għan tiegħu.

L-importanza sa mill-għeruq ta’ positive parenting fejn il-ġenituri jkunu jafu kif irabbu hija kruċjali. Mingħajr l-input tal-ġenituri u mingħajr eżempju tajjeb li jaraw it-tfal ta’ kuljum, se jibqa’ jkollna eventwalment imgiba hekk mill-adulti.

Għaldaqstant, għalkemm huwa issa kruċjali li naraw l-eżitu tal-inkjesta, jien se nappella għal strateġija li tinvolvi l-aspetti edukattivi u soċjali ta’ pajjiżna. Huwa fil-fatt inutli li ngħidu li ċertu servizzi ma jaħdmux il-għaliex jekk il-problemi ma nilqgħulhomx mill-bidu, se  jkollna wisq każijiet biex il-pulizija, il-crises intervention u s-servizzi soċjali jleħħqu magħhom.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-vjolenza domestika mhijiex mill-irġiel fuq in-nisa biss iżda huwa fenomenu li jaffettwa l-membri tal-familja kollha

Delicious

Sport