Wednesday, May 15, 2024

Il-GWU bi ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-Aġenzija Komunità Malta

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Aġenzija Komunità Malta li jkopri l-perjodu 2021-2024. L-għan ta’ dan l-ewwel ftehim kollettiv għal din l-Aġenzija huwa li tkompli tissaħħaħ fil-ħidma tagħha. 

Minbarra titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol inkluż il-pagi, dan il-ftehim jinkludi wkoll għadd ta’ benefiċċji oħra fosthom iżjed opportunitajiet ta’ taħriġ għall-impjegati.

Il-ftehim f’isem il-GWU kien iffirmat mis-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kenrick Bondin, is-Shop Steward Bernice Stivala u l-Assistant Shop Steward Christopher Marshall. Min-naħa tal-Aġenzija Komunità Malta ffirmaw l-Kap Eżekuttiv Jonathan Cardona u ċ-Ċermen Joseph Mizzi. 

Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm ukoll il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri, is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat u s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja. 

Fil-kummenti tiegħu lil L-Orizzont, is-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin qalilna li “l-ftehim ikopri mhux biss titjib fis-salarji tal-ħaddiema, iżda wkoll benefiċċji oħra dwar studju, family-friendly measures u anke leave speċjali li wieħed jista’ jkollu bżonn.” 

Huwa rringrazzja lill-partijiet kollha involuti, inkluż ukoll it-Taqsima tar-Relazzjonijiet Industrijali (IRU) fejn id-diskussjonijiet saru b’mod professjonali sabiex eventwalment seta’ jintlaħaq dan il-ftehim li hu ta’ vantaġġ kemm għall-Aġenzija kif ukoll għall-ħaddiema. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li: “Bħala GWU ninsab sodisfatti b’dan il-ftehim. Huwa ħolqa oħra fil-katina ta’ suċċessi li għamilna waqt il-pandemija. Minkejja ċ-ċirkostanzi rnexxielna flimkien mat-tmexxija tal-Aġenzija nilħqu l-aspettattivi tal-ħaddiema. Saret ħidma kbira mis-Segretarju Kendrick Bondin flimkien mat-tim tiegħu ta’ rappreżentanti fi ħdan l-Aġenzija b’konsultazzjoni sħiħa mal-membri.”

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri spjega kif il-ħaddiem jinsab dejjem fiċ-ċentru tal-ħidma ta’ dan il-Gvern u l-iffrimar ta’ dan il-ftehim jixhed kif l-attitudni tal-Gvern llum hija ferm differenti minn dik ta’ Gvernijiet oħra. Huwa qal kif f’mument fejn id-dinja iffaċċjat pandemija, il-ħaddiem Malti sab Gvern jappoġġjah.

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat irringrazzja lill-ħaddiema u qal li dan il-ftehim kollettiv jiżgura li jsibu ambjent pożittiv u serħan tal-moħħ, li huma kruċjali għalihom sabiex jilħqu l-massimu tal-ħiliet tagħhom. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Komunità Malta enfasizza l-impenn li qed tagħmel l-Aġenzija biex b’mod kontinwu teduka lill-ħaddiema tagħha, sabiex itejbu l-għarfien tagħhom u joffru dejjem l-aħjar esperjenza lill-klijenti. Qal li l-Aġenzija laħqet livell eċċellenti ta’ għarfien fuq aspetti varji fejn tidħol ċittadinanza fosthom l-ogħla għarfien dwar due diligence. 

L-Aġenzija Komunità Malta hija responsabbli mill-amministrazzjoni u l-ipproċessar tal-affarijiet kollha relatati maċ-ċittadinanza Maltija.

Sport