Saturday, December 21, 2024

Il-GWU bi ftehim kollettiv ma’ Quintano Foods

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

It-Taqsima GWU Ospitalità u Ikel iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema ta’ Quintano Foods, li se jibqa’ fis-seħħ sal-2026. B’dan il-ftehim, l-impjegati se jgawdu minn kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar kif ukoll żidied fil-pagi fost benefiċċji oħra. 

F’isem il-GWU ffirmaw is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel Kenny Muscat, l-Assistent Segretarju tat-Taqsima Gabriel Pullicino u s-Shop Steward Liam Cutajar. F’isem il-kumpanija ffirmaw il-Group Chief Executive Norman Aquilina, il-Group HR u Segretarja tal-kumpanija Antoinette Caruana, il-General Manager Sean Portelli u l-HR Services Manager Tonio Mifsud Bonnici. 

Fil-kummenti tiegħu, is-Segretarju Kenny Muscat qal li t-Taqsima se tibqa’ tkun pro-attiva biex tilqa’ għal kwalunkwe sfida u tara li dejjem ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Qal li dan il-ftehim kollettiv qiegħed jindirizza realtajiet ġodda fl-operat u qed ikompli jibni fuq it-tajjeb li diġà kien hemm fil-ftehim preċedenti. 

Il-Group Chief Executive tal-kumpanija Norman Aquilina esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-ftehim li jirrifletti wkoll il-koperazzjoni li teżisti bejn iż-żewġ naħat li fl-aħħar mill-aħħar igawdu minnha l-ħaddiema.

Iffirmat ukoll ftehim kollettiv ma’ Farsons Distributions Services Ltd.

It-Taqsima GWU Ospitalità u Ikel, fl-aħħar jiem iffirmat ftehim kollettiv ieħor, din id-darba għall-impjegati ta’ Farsons Distributions Services Ltd., li se jibqa’ fis-seħħ sas-sena 2026. Dan il-ftehim se jtejjeb aktar il-kundizzjonijiet eżistenti fosthom b’żidied fil-pagi u aktar inċentivi biex jiġu indirizzati realtajiet ġodda fl-operat tal-kumpanija.

F’isem il-GWU ffirmaw is-Segretarju Kenny Muscat, l-Assistent Segretarju Gabriel Pullicino flimkien ma’ Michael Vella u Matthew Zammit Field bħala rappreżentanti tal-ħaddiema. F’isem il-kumpanija ffirmaw il-Group Chief Executive Norman Aquilina, il-Group HR u Segretarja tal-kumpanija Antoinette Caruana, il-Kap tal-Loġistika Chris Borg Cardona u l-HR Services Manager Tonio Mifsud Bonnici.

Is-Segretarju Muscat qal li t-Taqsima sabet koperazzjoni sħiħa fid-diskussjonijiet li saru biex seta’ jintlaħaq dan il-ftehim. Min-naħa tagħha, il-Group HR u Segretarja tal-kumpanija Antoinette Caruana saħqet fuq l-importanza li jkun hemm relazzjonijiet industrijali sani u b’saħħithom li jwasslu liż-żewġ partijiet jiggwadanjaw meta sar dan il-ftehim.

Ekonomija

Sport