Wednesday, April 24, 2024

IL-GWERER LI NAF

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Żmien ta’ gwerra jwassal lil xi wħud biex jiftakru l-gwerer li seħħew fi żmienhom. Jien wieħed li nagħmel hekk u ppruvajt nifhem għaliex il-gwerra ta’ Putin fl-Ukrajna qed tidhirli differenti għal kollox mill-gwerer li niftakar dwarhom bħala li ġew miġġielda tul ħajti.

Tal-Korea ma tgħoddx: ma niftakar xejn dwarha, kif lanqas dik ta’ Franza fil-Vjetnam li spiċċat bid-disfatta ta’ Dien Bien Phu għall-Franċiżi. Tal-Amerikani fil-Vjetnam matul is-snin sittin u sebgħin tas-seklu l-ieħor kienet tidhirli bħala gwerra mbiegħda għalkemm kruċjali u mdemmija; dawk tal-Lvant Nofshani bejn l-Iżrael u l-pajjiżi ta’ madwar bħala gwerer reġjonali barra l-Ewropa.  L-istess għall-gwerer fl-Afganistan tar-Russi, imbagħad l-Amerikani. Reġjonali wkoll il-ġlied qalil fl-eks-Jugoslavja. 

Imma l-gwerra tal-Ukrajna tinħass bħala xi ħaġa differenti għal kollox minn li semmejt hawn. Donnha qed tinħass… u fil-verità hi… gwerra kbira Ewropea. Għal snin twal ħsibna li gwerra kbira Ewropea ma kinitx konċepibbli aktar. Ix-xokk bl-iskoperta li dan mhux minnnu għadu magħna.

***

PROĊEDURI

L-ispjegi li ngħataw għaliex wara li jkun seħħ aċċident tat-traffiku, jinżammu f’“posthom” ir-rovini tal-karozza jew karozzi involuti bilkemm jitwemmnu. Tassew, ir-raġunijiet għaliex isir hekk, huma serji u maħsuba biex jagħtu lill-qrati li jridu jiġġudikaw dwar l-aċċident l-aqwa tagħrif dwar li ġara.

Imma dan qed ifisser ukoll li kollox jispiċċa mwaħħal għal sigħat twal fit-toroq tagħna speċjalment meta l-aċċident iseħħ f’arterja ewlenija tat-traffiku,

Jidher ċar li matul is-sin, ma ngħatat l-ebda attenzjoni dwar kif xorta seta’ jintlaħaq l-għan serju u siewi ta’ proċeduri antikwati billi jiddaħħlu proċeduri u teknoloġija moderna,  li jippreżervaw il-qagħda tas-sit tal-aċċident bla ma jiġġammjaw l-arterji tat-traffiku.

***

REGOLI EWROPEJ

Hemm numru ta’ oqsma fejn biex jistgħu jidħlu fis-seħħ regoli Ewropej, jeħtieġ li jkun hemm kunsens unanimu.

Pereżempju dwar it-tassazzjoni fuq il-profitti tal-kumpaniji. Malta u pajjiżi oħrajn irreżistew fuq il-bażi tal-unanimità sforzi li baqgħu jsiru biex l-Unjoni Ewropea ddaħħal kontrolli u direttivi dwar kif jitħaddmu taxxi f’dal-qasam. L-offensiva fuq hekk ilha sejra qrib l-għoxrin sena jekk mhux aktar.

Eżempju ieħor hu l-qasam tal-immigrazzjoni. Pajjiżi bħal Malta li jaslulhom bosta refuġjati u immigranti rregolari iridu li wara li jkunu laqgħuhom, dawn jitqassmu fost it-territorji l-oħra tal-Unjoni. Biex din il-ħaġa ssir ukoll, hemm bżonn li jaqbel kulħadd. 

Bħal kull għodda li teżisti taħt ix-xemx, hemm mumenti fejn ir-regola tal-unanimità sservi favur l-interessi tiegħek, u mumenti oħra fejn jiġri bil-maqlub. Xorta waħda niddubita kemm pajjiżi ċkejkna bħal Malta għandhom iċedu malajr wisq l-użu ta’ din l-għodda.

Sport