Sunday, November 24, 2024

Il-GWU determinata li d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+ fuq il-post tax-xogħol ma jibqgħux fuq il-karta

... il-ħaddiema kollha għandhom jiġu rispettati

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“L-impatt tad-drittijiet għal persuni LGBTIQ+ fuq il-postijiet tax-xogħol mhumiex biss fuq il-karta imma qed ikunu implimentati fid-deċiżjonijiet li jittieħdu ta’ kuljum.” Qal dan is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) Josef Bugeja meta kien qed jitkellem f’konferenza mtella’ mill-GWU u l-GWU Youths ġewwa l-Pride Village, fi Pjazza Tritoni, il-Belt Valletta. 

Din il-konferenza, li trattat id-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+ fid-dinja ġdida tax-xogħol, rat il-parteċipazzjoni ta’ diversi kelliema fosthom is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg. 

Min-naħa tiegħu, is-Sur Bugeja, li kien parti mill-panel ta’ diskussjoni, stqarr li żewġ valuri ewlenin li jsawru l-union huma l-ugwaljanza u l-inklussività. Qal li matul is-snin, l-union, anke internament, introduċiet policies ġodda u aġġornati f’dan ir-rigward u saħansitra dawn ġew inklużi fi ftehimiet kollettivi differenti.

Filwaqt li rrikonoxxa li sar tibdil kbir f’dawn l-aħħar 10 snin f’dak li jirrigwardja d-drittijiet ċivili, is-Sur Bugeja tenna li l-union tagħmel mezz li l-postijiet tax-xogħol jaġġornaw il-policies tagħhom u li l-ftehim kollettiv jaħseb ukoll għal dan. 

Enfasizza wkoll li wieħed irid joqgħod attent kif jesprimu lilu nnifsu għax nistgħu nweġġgħu lil dak li jkun u fl-istess waqt irridu nirrispettaw il-ħsieb u l-opinjonijiet ta’ persuni oħra. “Irridu nkomplu naħdmu biex nibdlu l-kultura, din hija xi ħaġa li rridu nindirizzaw flimkien,” tenna s-Sur Bugeja. 

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg semmiet kif it-tibdil li sar fil-liġijiet ppermettew li aktar individwi jkunu jistgħu jkomplu għaddejjin bil-vjaġġ edukattiv tagħhom u anke jiksbu aktar kwalifiki. 

Hija saħqet ukoll li l-ħaddiema jridu jħossu li huma apprezzati fuq xogħolhom. Dan, fi kliem is-Segretarju Parlamentari Buttigieg, huwa importanti sabiex jiġu inklużi policies speċifiċi għal persuni LGBTIQ+ biex jiġi żgurat li kulħadd ikun milqugħ kif ukoll li jsibu dak li għandhom bżonn fuq il-post tax-xogħol.

Hija għalqet id-diskors tagħha b’messaġġ: “Tibżax issaqsi. L-għajnuna hija disponibbli. Aħna lkoll lesti li ngħinu u niżguraw li aktar postijiet tax-xogħol ikunu aktar inklussivi u li nassiguraw li l-ugwaljanza għal persuni LGBTIQ tinkiseb f’kull sfera tal-ħajja.”

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Kummissarju għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza Renee Laiviera, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet tat-Tfal Graziella Attard Previ, Colette Farrugia Bennett mill-MGRM, Sandro Gallittu miċ-CGIL u Isabelle Pisani li taħdem bħala HR Manager.

Sport