“Ta’ kull sena nieħdu sehem fil-Pride March. Għalina, bħala l-akbar trejdunjin f’Malta, din il-parteċipazzjoni hija konformi mal-valuri li dejjem ħdimna għalihom fid-dinja tax-xogħol u mal-viżjoni tagħna ta’ kif irridu li jkun pajjiżna.”
Dan iddikjarah is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU), Kevin Camilleri, hekk kif illum il-GWU se tkun qed tieħu sehem fil-Pride March fil-Belt Valletta.
Camilleri sostna li l-GWU temmen f’pajjiż aktar inklussiv, aktar ħanin u aktar tolleranti, fejn kull persuna tkun rispettata u fejn tkompli ssir ħidma biex titneħħa l-istigma u d-diskriminazzjoni fil-konfront tal-minoranzi.
Huwa ħeġġeġ lill-pubbliku biex jipparteċipa f’dan l-avveniment u jkun parti minn messaġġ favur l-ugwaljanza, l-inklużjoni u r-rispett.
Is-Segretarju Ġenerali appella wkoll lit-trejdunjins l-oħra biex jingħaqdu mal-GWU fil-Pride March. “Il-valuri li nitkellmu dwarhom irridu nwettquhom ukoll bil-fatti. Għalhekk inħeġġu lil trejdunjins oħra biex jingħaqdu magħna u flimkien nagħtu messaġġ ċar favur soċjetà u dinja tax-xogħol aktar inklussivi u ugwali,” temm jgħid Camilleri.

