Żewġ ftehimiet kollettivi ġodda jtejbu l-kundizzjonijiet ta’ madwar 180 ħaddiem fis-settur tas-saħħa

Aqra wkoll

Ġew iffirmati żewġ ftehimiet kollettivi mal-Malta Union of Midwives and Nurses (MUMN) li se jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-opportunitajiet ta’ progress professjonali għal madwar 180 ħaddiem fis-settur tas-saħħa. L-iffirmar sar fil-preżenza tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg, wara li ġew konklużi b’suċċess in-negozjati dwar dawn fir-rigward ta’ dawn il-ftehimiet.

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg qal li l-viżjoni tal-Gvern hija li jkompli jinvesti fis-settur tas-saħħa b’kull mod possibbli, inkluż permezz ta’ proġetti, bidliet u riformi konkreti, iżda fuq kollox billi jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawk li jinsabu fuq quddiem nett fil-kura tal-pazjenti.

“Kien ta’ pjaċir għalija li nassisti għall-iffirmar ta’ dawn iż-żewġ ftehimiet kollettivi. Nixtieq nirringrazzja lit-tmexxija tal-unjin u lir-rappreżentanti ta’ dawn il-ħaddiema għall-ħidma tagħhom. Dawn il-ħaddiema jikkontribwixxu bis-sħiħ għas-saħħa tal-pazjenti, u dawn il-ftehimiet jirrikonoxxu l-valur ta’ xogħolhom,” qal Dr Borg.

Huwa żied jgħid li, “Huwa kruċjali li nkomplu ntejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, għaliex ħaddiem li jmur kuntent għax-xogħol iwassal dik l-enerġija pożittiva fix-xogħol tiegħu u juża l-ħiliet tiegħu bl-aħjar mod. Meta ninvestu fil-ħaddiema tagħna, inkunu qed insaħħu wkoll il-kwalità tal-kura li jirċievu l-pazjenti.”

Wieħed mill-ftehimiet ikopri lill-assistenti fil-kirurġija dentali, filwaqt li l-ieħor ikopri lill-flebotomisti, lit-tekniċi tal-flebotomija u lit-tekniċi tad-dekontaminazzjoni u l-isterilizzazzjoni. Il-ħaddiema koperti jaħdmu prinċipalment fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, b’għadd minnhom iservu wkoll f’entitajiet oħra tas-saħħa u tal-kura tal-anzjani.

Il-ftehimiet joffru wkoll opportunitajiet akbar ta’ progress fil-karriera, fosthom permezz tal-ħolqien tal-irwol ta’ koordinatur fil-professjonijiet rispettivi. Qed jagħtu wkoll importanza lit-taħriġ strutturat u lill-iżvilupp professjonali, sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jassumu responsabbiltajiet addizzjonali li jsaħħu s-servizzi u jikkontribwixxu għal kura aħjar tal-pazjenti.

Il-ħaddiema imsemmija ser jibbenefikaw minn allowances imtejba li jirrikonoxxu r-responsabbiltajiet akbar tagħhom u l-kontribut li jagħtu lis-servizz tas-saħħa.

Il-President tal-MUMN, Paul Pace, saħaq li ftehimiet bħal dawn, frott il-koperazzjoni ta’ kulħadd, ikomplu jsaħħu s-servizz tas-saħħa f’pajjiżna u jtejbu l-ambjent tax-xogħol għall-ħaddiema. Huwa qal: “Dawn il-ftehimiet huma importanti u huma r-riżultat ta’ negozjati li wasslu għal kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema. Fl-aħħar mill-aħħar, se jibbenefika wkoll il-pazjent. Nixtieq nirringrazzja lill-Ministru għall-intervent tiegħu u lil dawk kollha involuti li ħadmu flimkien biex wasalna għal dan ir-riżultat.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport