Raġel mis-Somalja, iżda residenti f’Marsalforn baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li fil-jiem u fil-ġimgħat li għaddew kien involut fi ġlied fl-istess lokalità fejn jgħix.
Mohamed Hassan Ismail ta’ 31 sena tressaq il-Qorti mill-Ispettur Keith Xerri fejn ġie mixli fost l-oħrajn li kkawża ġrieħi gravi fuq persuna u li kien anke riċediv. Quddiem il-Maġistrat Monica Vella, l-Ispettur Xerri spjega li fit-30 ta’ Awwissu li għadda l-Pulizija kienu rċivew rapport li l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex kien daħal raġel li kellu ġrieħi f’għajnejh u ma kienx qiegħed jara sew.
Meta ġie mitkellem mill-Pulizija, l-allegat vittma spjega li fl-24 ta’ Awwissu li għadda għall-ħabta tat-3:00 a.m., meta allegatament kien ġie agredit minn persuna li ġie dentifikata bħala l-imputat. L-Ispettur Xerri kompla jispejga li minn aktar investigazzjonijiet li saru, u anke wara li tqabblu filmati ta’ CCTVs ġie stabbilit li l-istess imuptat kien involut fi ġlieda oħra din id-darba fil-11 ta’ Lulju li għadda meta dakinhar kien ta daqqa ta’ speaker lil wieħed Ingliż. Dakinhar il-vittma kien iddaħal l-Isptar fejn kien ġie ċertifikata li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.
B’din l-informazzjoni kollha li kellha f’idejha l-Pulizija ntalab mandatt ta’ arrest fil-konfront ta’ Mohamed Hassan Ismail fejn ġie arrestat fid-9 ta’ Settembru f’Marsalforn stess. Fil-Qorti, intqal li l-imputat bħalissa qiegħed taħt sentenza sospiza hekk kif is-sena li għaddiet kien tressaq il-Qorti fejn instab ħati li kien wettaq ħsara volontarja f’Marsalforn.
L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi filwaqt li l-Avukat tal-Għajnuna Legali Marsette Portelli Xerri qalet li f’dan l-istadju ma kinitx se titlob għall-ħelsien mill-arrest. Għalhekk il-Qorti ordnat li l-imputat jibqa’ jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
L-Ispettur Keith Xerri mexxa l-Prosekuzzjoni.

