Il-GWU f’laqgħa mal-Kummissjoni għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali tal-Bniedem

Aktar djalogu bejn il-GWU u l-Knisja dwar temi soċjali u teknoloġiċi

Aqra wkoll

L-Amministrazzjoni Ċentrali tal-General Workers’ Union (GWU) kellha laqgħa maċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Kummissjoni għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali tal-Bniedem, Mark Cachia. Kummissjoni li twaqqfet mill-Konferenza Episkopali Maltija f’Ġunju li għadda.

Matul il-laqgħa, iż-żewġ naħat qablu dwar l-importanza li tinżamm komunikazzjoni kontinwa u li jiġu esplorati opportunitajiet għal kollaborazzjoni fuq temi ta’ interess komuni.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Kevin Camilleri, irrimarka li laqgħat bħal dawn huma ta’ ġid għaliex joħolqu spazju għal djalogu bejn il-GWU u l-Knisja dwar realtajiet u sfidi li qed tiffaċċja s-soċjetà.

“Huwa importanti li nkomplu nibnu kollaborazzjoni ma’ din il-Kummissjoni, speċjalment fuq temi bħall-Intelliġenza Artifiċjali, il-ġustizzja soċjali u l-użu tal-midja soċjali,” qal Camilleri.

Huwa sostna wkoll li huwa pożittiv li l-Knisja tkompli tersaq lejn entitajiet u organizzazzjonijiet differenti fis-soċjetà, tisma’ l-fehmiet tagħhom u żżomm djalogu miftuħ dwar temi li jolqtu lin-nies.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Kummissjoni għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali tal-Bniedem, Mark Cachia, tkellem dwar l-importanza li l-Kummissjoni tiltaqa’ ma’ stakeholders differenti sabiex issaħħaħ il-komunikazzjoni u twessa’ l-ħidma tagħha fost diversi setturi tas-soċjetà.

Cachia esprima wkoll ir-rieda tiegħu li l-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-General Workers’ Union, inkluż permezz ta’ inizjattivi u proġetti li jistgħu jiġu żviluppati flimkien.

Għal-laqgħa, flimkien mas-Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri, attenda wkoll id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU, Kevin Abela.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport