L-ambjent tax-xogħol tal-lum kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak lokali qed jgħaddi minn perjodu ta’ tibdil strutturali profond.
Fil-livell Ewropew, l-involviment tat-trade unions fl-iffissar tal-politika ekonomika u soċjali sar punt ċentrali fid-dibattitu politiku. U dan qed isir hekk kif l-istituzzjonijiet Ewropej qed iħejju għal bidliet kbar fil-qafas regolatorju tagħhom.
Għalhekk l-involviment tal-imsieħba soċjali fil-politika industrijali huwa kruċjali. Tant li l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC) baqgħet issostni li kwalunkwe strateġija ta’ kompetittività ekonomika trid tkun marbuta ma’ kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kwalità għolja. Dan jinkludi talbiet speċifiċi biex il-fondi pubbliċi u l-kuntratti tal-istat jingħataw biss lil entitajiet li jirrispettaw il-ftehimiet kollettivi u li joffru pagi ekwi.
Min-naħa l-oħra, l-istituzzjonijiet Ewropej qed ikomplu jimmonitorjaw l-impatt ta’ bidliet leġiżlattivi kbar, fosthom ir-riformi fl-istrutturi doganali tal-UE li involvew fihom l-istabbiliment ta’ awtoritajiet ġodda. Dawn l-iżviluppi logistiċi qed jiġu segwiti mill-qrib mit-trade unions partikolarment dawk tat-trasport biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema li jaqsmu l-fruntieri kif ukoll is-sigurtà fit-toroq jiġu mħarsa skont l-istandards tal-UE.
F’dan il-kuntest, is-sitwazzjoni domestika f’pajjiżna, u l-attenzjoni tar-relazzjonijiet industrijali x’aktarx tibqa’ ffokata fuq l-implimentazzjoni prattika tar-riformi fil-leġiżlazzjoni tax-xogħol u l-indirizzar ta’ sfidi emerġenti fil-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.
F’dan kollu, id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) mhux qed jonqos milli jkompli jissorvelja l-Wage Regulation Orders, bħala parti minn riforma kbira li ssostitwixxiet il-liġijiet antiki dwar il-pagi u l-kundizzjonijiet, introduċiet standards uniformi fosthom: l-eliminazzjoni tal-faxex tal-pagi skont l-età għall-minuri, u b’hekk kull ħaddiem jitħallas skont ir-rwol u mhux l-età tiegħu.
Kwistjoni li dan l-aħħar qanqlet dibattitu f’pajjiżna, partikolarment mill-General Workers’ Union (GWU), kienet dik marbuta mal-introduzzjoni ta’ service charges fuq il-kontijiet tal-klijenti f’diversi stabbilimenti tal-ikel u l-ospitalità.
Il-GWU insistiet fuq il-bżonn ta’ trasparenza assoluta u garanziji legali li l-fondi kollha miġbura b’dan il-mod jaslu direttament għand il-ħaddiema mingħajr ma jintużaw biex inaqqsu l-obbligi finanzjarji bażiċi min-naħa ta’ min iħaddem.
Għaldaqstant, il-qagħda tar-relazzjonijiet industrijali kemm fl-Ewropa kif ukoll f’Malta qed tintwera bħala waħda dinamika u kumplessa. Filwaqt li l-Unjoni Ewropea qed tistinka biex tibbilanċja l-kompetittività globali tagħha ma’ leġiżlazzjoni li tipproteġi lid-drittijiet soċjali tal-ħaddiema, Malta qed tkompli tadatta l-liġijiet tax-xogħol tagħha għar-realtajiet ekonomiċi moderni.
L-involviment kontinwu tal-imsieħba soċjali permezz ta’ djalogu miftuħ jibqa’ l-uniku mezz sostenibbli biex jinstab il-bilanċ bejn l-effiċjenza tal-intrapriżi u l-benesseri tal-forza tax-xogħol.




