Waħda mill-isfidi kbar li t-trejdunjins tal-lum jiffaċċjaw fid-difiża tal-membri tagħhom fuq il-post tax-xogħol huwa l-istress u l-ansjetà li takkumpanjah. L-istress relatat mad-dinja tax-xogħol huwa problema komuni illi jaffettwa mhux biss is-saħħa fiżika tal-persuna imma wkoll il-benesseri emozzjonali u l-prestazzjoni fuq il-post tax-xogħol.
Ironikament, dan kollu qed iseħħ meta x-xogħol suppost jagħti lin-nies sens ta’ skop, indipendenza u sigurtà. Fil-Malti għandna qawl li jgħid li x-xogħol huwa salmura tal-ġisem, madankollu, għal ħafna ħaddiema, il-post tax-xogħol huwa sors ewlieni ta’ ansjetà stressanti.
Volumi eċċessivi ta’ xogħol, skarsezza ta’ ħaddiema, sigħat twal ta’ xogħol u kundizzjonijiet indiċenti kontinwi jistgħu gradwalment ibiddlu ġurnata tax-xogħol ordinarja f’taqbida ta’ kuljum.
Il-problema hi li l-istress fuq il-post tax-xogħol ħafna drabi jiġi ttrattat bħala xi ħaġa li l-ħaddiema jridu jittolleraw u jidraw jgħixu magħha. Iżda f’dan kollu hemm kontradizzjoni; għax bħala ħaddiem, li tkun bieżel tiġi mfaħħar, li taħdem wara l-ħin ħafna drabi titqies bħala dedikat f’xogħlok. Iżda mbagħad, jekk tilmenta li l-pressjoni tax-xogħol saret wisq insapportibbli titqies bħala li int dgħajjef.
Din l-attitudni għalhekk, illum qabel għada, jeħtieġ li tinbidel. Tabilħaqq li l-unions tal-ħaddiema għamlu biċċa xogħol mill-aqwa biex jikkumbattu din il-problema, imma bla dubju għad fadal iktar x’jista’ jsir.
Verament li ċertu ammont raġonevoli ta’ pressjoni tista’ timmotiva lin-nies u tgħinhom iwettqu xogħolhom b’reqqa kbira, iżda l-problema vera tibda meta l-pressjoni ssir kostanti u l-ħaddiem iħossu li ma jistax jeħles minnha. U l-konsegwenzi hawnhekk jistgħu jsiru serji.
L-istress persistenti jista’ jaffettwa l-konċentrazzjoni, l-irqad, ir-relazzjonijiet u l-benesseri ġenerali. Jista’ jwassal ukoll għal assenteiżmu, għal inqas produttività, u l-ħaddiem eventwalment jista’ jitlef ix-xogħol għax jitlaq mill-impjieg tiegħu. Fi kliem ieħor, meta l-istress fuq il-post tax-xogħol jiġi njorat u ma jingħatax każ tiegħu, ikun dannu għall-ħaddiem.
Għalhekk, min iħaddem għandu r-responsabbiltà u l-obbligu li jħares lil hinn miċ-ċifri tal-produttività u tal-profitti. Irid jirrikonoxxi li għandu n-nies warajh. Pressjoni raġonevoli ta’ xogħol, numru ta’ staff suffiċjenti, maniġment ta’ appoġġ u komunikazzjoni miftuħa qatt ma kienu lussu. Anzi, huma l-elementi essenzjali għal post tax-xogħol b’saħħtu.
L-impjegati wkoll għandhom jagħrfu s-sinjali ta’ twissija u jitkellmu qabel ma l-istress isir kważi diffiċli biex jiġi mmaniġġjat. Li ħaddiem jitlob għall-għajnuna m’għandhiex titqies bħala falliment jew dgħufija. Ħadd m’għandu jissagrifika saħħtu sempliċement biex juri li huwa dedikat lejn xogħlu.
Huwa kollu veru li x-xogħol ħafna drabi jġib miegħu ammont ta’ pressjoni u responsabbiltajiet. Iżda l-istress ma għandu qatt ikun il-prezz li l-ħaddiema jħallsu biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom.
Post tax-xogħol li jagħmel suċċess mhuwiex dak fejn l-impjegati jidraw jgħixu mal-istress iżda huwa dak fejn l-impjegati jingħataw l-appoġġ biex jirnexxu mingħajr ma jitilfu lilhom infushom matul il-proċess. Wara kollox, l-ebda xogħol ma għandu jiswielna saħħitna, il-gost tagħna jew is-serħan ta’ moħħna.




