Fi Stqarrija Ministerjali fil-Parlament, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar l-impenji uffiċjali tiegħu waqt il-81 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, l-Istati Uniti.
Dr Abela rrefera b’mod partikolari għad-diskors tiegħu fl-Assemblea Ġenerali, fejn qal li l-messaġġ li ried iwassal f’isem Malta kien wieħed ċar. Dak li pajjiżna se jibqa’ jemmen fil-koperazzjoni internazzjonali, fid-djalogu u kif ukoll fil-ħtieġa li nibnu mill-ġdid il-fiduċja bejn il-popli u bejn il-pajjiżi.
“F’dinja fejn il-kunflitti, it-teknoloġija u t-tibdil fil-klima qegħdin joħolqu sfidi dejjem aktar kumplessi biex tindirizzahom, Malta se tibqa’ ssostni li l-ebda pajjiż ma jista’ jirnexxi jekk jaġixxi waħdu. Għalhekk għalaqt bil-messaġġ li jekk irridu futur aktar sigur u aktar stabbli rridu mhux biss nazzardaw noħolmu imma lil hinn minn hekk, nafdaw u naħdmu flimkien,” qal il-Prim Ministru.
Huwa semma’ wkoll kif Malta esprimiet l-appoġġ tagħha għal regoli internazzjonali li kapaċi jsaħħu l-fiduċja pubblika fit-teknoloġija u għal aktar koperazzjoni globali permezz tal-Global Digital Compact u inizjattivi oħra tal-Ġnus Magħquda. Dan apparti li alloka parti sostanzjali mid-diskors tiegħu biex jitkellem dwar is-suġġett tat-tibdil fil-klima.
“Nemmnu fid-djalogu u fil-paċi”
Sadanittant, il-Prim Ministru qal li l-impenji tiegħu fi New York bdew b’laqgħa mal-komunità Maltija u Għawdxija f’Astoria. Qal li tieħu pjaċir tara tant Maltin u Għawdxin li ilhom snin li telqu minn pajjiżna, illi minbarra li jibqgħu jżuru lil xtutna b’mod regolari, jibqgħu jżommu ħajja l-identità Maltija.
Dr Abela qal li t-Tlieta filgħodu attenda wkoll għall-ftuħ tad-dibattitu ġenerali fejn bħal kull sena, mexxejja minn madwar id-dinja jinġabru sabiex jiddiskutu l-isfidi ewlenijn li qed taffaċċja l-komunità internazzjonali.
“Id-diskussjonijiet din is-sena kien antiċipat madwar xiex se jkunu ddominati… il-kunflitti internazzjonali li għaddejjin bħalissa u l-ħtieġa li l-komunità internazzjonali taħdem favur soluzzjonijiet politiċi, favur il-paċi u favur ir-rispett u ż-żamma tad-dritt internazzjonali.”
F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru qal li l-pożizzjoni li Malta kompliet twassal kienet waħda konsistenti. “Aħna nemmnu fid-djalogu u fil-paċi. Nemmnu fil-multilateraliżmu u f’sistema ta’ dritt internazzjonali mibni fuq ir-regolamenti u l-liġijiet.”
“Dan jgħodd kemm għall-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja fejn Malta tibqa’ tisħaq fuq ir-rispett, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna wara l-attakk inġust illi sofriet fi Frar tal-2022 kif ukoll dawn l-istess argumenti jgħoddu għal dak li qed jiġri fil-Lvant Nofsani fejn nibqgħu nappoġġjaw it-triq lejn paċi ġusta u dejjiema bbażata madwar is-soluzzjoni ta’ żewġ stati.”
Dr Abela qal ukoll li huwa attenda għall-Concordia Annual Summit fejn hemm kellu l-opportunità li f’diskors li għamel jindirizza udjenza internazzjonali dwar it-tkabbir ekonomiku, il-kummerċ u l-bżonn li l-ekonomiji tagħna jibqgħu miftuħa, reżiljenti u kapaċi joħolqu opportunitajiet reali għan-nies.
F’laqgħa oħra ta’ livell għoli li kellu l-Prim Ministru, li kienet imsejħa minn Franza, Spanja u l-Kenja b’rabta mad-drittijiet tat-tfal fl-era tal-Intelliġenza Artifiċjali (AI), id-diskussjoni ffukat fuq l-opportunitajiet kbar li ġġib magħha t-teknoloġija u l-isfidi u kif ukoll ir-responsabbiltà li għandna biex niżguraw li l-iżvilupp tal-AI jibqa’ sigur, affidabbli u ċċentrat madwar il-bniedem.
Huwa rrefera wkoll għal-laqgħa li kellu mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti António Guterres fejn irringrazzjah personalment tal-ħidma li wettaq u tenna li Malta tibqa’ sostenitur qawwi tan-Nazzjonijiet Uniti.
Dwar il-konnettività, il-Prim Ministru rrefera għal-laqgħa mad-Delta Airlines fejn iddiskutew ir-rotta ġdida bejn JFK fi New York u Malta li bdiet topera f’Ġunju bi tliet titjiriet fil-ġimgħa. Qal li wara l-eżitu ta’ dik il-laqgħa, jinsab ottimist fil-jiem jew ġimgħat li ġejjin ikunu f’pożizzjoni li jħabbru b’mod uffiċjali li din r-rotta ġiet imġedda għal sena oħra.
Lejn l-aħħar tal-istqarrija ministerjali tiegħu, il-Prim Ministru saħaq li dawn l-impenji kollha kellhom għan komuni warajhom – dak li Malta tibqa’ tkun preżenti fejn qed jittieħdu d-deċiżjonijiet internazzjonali u tkun vuċi fit-teħid ta’ dawn id-deċiżjonijiet importanti.
“Il-preżenza tagħna trid tibqa’ tkun għodda biex niddefendu l-prinċipji li nemmnu fihom iżda wkoll biex niksbu riżultati konkreti fl-aħjar interess tal-poplu Malti u Għawdxi,” temm jgħid il-Prim Ministru.

