L-istaġun il-ġdid tal-hockey f’Malta se jibda fi tmiem din il-ġimgħa bit-Tony Tabone Memorial, li se jintlagħab nhar il-Ħadd li ġej. Erba’ timijiet se jkunu qed jieħdu sehem f’dan it-turnew u dawn huma Floriana Young Stars, Qormi Daikin, White Hart u Żurrieq Wolves Hotsticks.
Dawn l-erba’ timijiet se jilagħbu kontra xulxin bl-ewwel konfront, bejn Floriana Young Stars u Qormi Daikin, jibda fid-9.00am.
Ġimgħa wara, fit-18 ta’ Ottubru, tintlagħab il-finali tas-Super Cup bejn Qormi Daikin u Floriana Young Stars.
It-tieni kompetizzjoni tal-istaġun se tkun iċ-Challenge Cup li tibda fl-24 ta’ Ottubru b’fażi round-robin li tibqa’ għaddejja sat-22 ta’ Novembru. L-ewwel żewġ timijiet fil-klassifika mbagħad jikkontestaw il-finali fid-29 ta’ Novembru.
Eventwalment, il-Kampjonat Nazzjonali jibda fil-5 ta’ Diċembru, bl-erba’ klabbs jerġgħu jkunu protagonisti fi staġun ieħor tal-hockey lokali.




