Il-projbizzjoni ta’ sparklers fuq ġewwa… pass fid-direzzjoni t-tajba għall-pajjiż

- Philip Fenech, Chairman ta’ Paceville Town Centre Management

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-projbizzjoni ta’ sparklers waqt attivitajiet pubbliċi li jsiru fuq ġewwa f’Malta u Għawdex mhix maħsuba li tnaqqas mill-atmosfera taċ-ċelebrazzjonijiet, iżda biex tistabbilixxi standard modern ta’ sigurtà li jipproteġi l-ħajjiet, iħares ir-reputazzjoni tal-industrija u d-dritt ta’ kulħadd li jgawdi lejla barra mingħajr periklu. 

Iddikjara dan Philip Fenech, iċ-Chairman ta’ Paceville Town Centre Management, f’kummenti li għamel b’rabta mal-Avviż Legali ġdid li permezz tiegħu l-użu ta’ sparklers u oġġetti pirotekniċi simili f’laqgħat pubbliċi fuq ġewwa se jkun ipprojbit. 

Dan il-pass ittieħed ukoll wara t-traġedja li kienet seħħet fil-bidu tas-sena l-ġdida f’bar fl-Iżvizzera. Dakinhar kollox indika li n-nirien kienu bdew minn sparklers li tqiegħdu mal-fliexken tax-xampanja u li messew mas-soqfa tal-istabbiliment. F’dan l-inċident kienu tilfu ħajjithom xejn inqas minn 41 persuna u ndarbu 115-il persuna oħra. 

Fil-kummenti tiegħu, Philip Fenech qal li meta kien tkellem mal-midja b’rabta ma’ dan l-inċident traġiku fl-Iżvizzera, it-twissija tiegħu kienet ċara; fjammi tan-nar f’postijiet magħluqa u ffullati huma “diżastru bla bżonn li jista’ jseħħ fi kwalunkwe ħin.”

Huwa qal li għalkemm l-isparklers u l-Bengal candles jistgħu jidhru spettakolari, meta dawn jitpoġġew qrib ta’ foam, soqfa baxxi jew dekorazzjonijiet jistgħu joħolqu riskju kbir ta’ nirien. Saħaq li għall-operaturi ta’ dawn il-postijiet, dan ifisser ukoll responsabbiltà legali, spejjeż finanzjarji u talbiet għal kumpens. 

Dwar l-Avviż Legali l-ġdid tal-Gvern, li jipprojbixxi l-użu ta’ oġġetti pirotekniċi fuq ġewwa, Fenech qal li dan se jidħol fis-seħħ minn nhar il-Ħamis li ġej u li fi kliemu stess il-perjodu tranżitorju ta’ xahrejn kien wieħed sensibbli u li ta biżżejjed ċans lill-fornituri u lill-operaturi biex jużaw l-istokk eżistenti u jadattaw mingħajr ma jfixklu n-negozju. 

“Dak li jinkoraġġini l-aktar huwa li ħafna sidien tal-postijiet ma stennewx din id-data. Klabbs, ristoranti u spazji għall-avvenimenti madwar Malta diġà pprojbixxew dawn l-oġġetti b’mod volontarju,” qal Fenech. “In-nightlife u l-industrija tal-ospitalità jiffjorixxu bl-ispettaklu, iżda s-sigurtà tal-klijenti u tal-ħaddiema għandha dejjem tkun l-ewwel prijorità.” 

Min jinqabad jikser ir-regolamenti l-ġodda jista’ jeħel multa ta’ bejn €120 u €350. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport