Xufier jingħata multa fuq appell wara li tajjar raġel li kien qed jaqsam f’Bormla

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Appell Kriminali ħassret is-sentenza oriġinali ta’ Clint Farrugia, fejn imponiet multa ta’ €2,329 u skwalifika milli jikseb liċenzja tas-sewqan għal sitt xhur, wara li rriżulta li ma kienx attent biżżejjed waqt li kien qed isuq.

Xufier li tajjar raġel f’Bormla fl-2018 ġie kkundannat multa u skwalifikat milli jsuq għal sitt xhur, wara li l-qorti rriformat is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati li lliberatu minn kull akkuża.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera sabet lil Clint Farrugia ħati li kkawża offiża gravi involontarja u li saq b’mod traskurat, hekk kif enfasizzat li s-sewwieq naqas milli jżomm l-attenzjoni meħtieġa waqt li kien qed isuq.

L-inċident seħħ fis-16 ta’ Novembru 2018 għall-ħabta tat-8:10pm fi Triq San Pawl, Bormla, meta Farrugia kien għaddej bit-taxi. Il-vittma ddaħħal l-Isptar Mater Dei f’periklu tal-mewt, wara li sofra feriti serji f’rasu u f’wiċċu.

F’Settembru 2025, il-Qorti tal-Maġistrati lliberat lil Farrugia wara li kkunsidrat li kien hemm dubji rigward il-viżibbiltà u s-sinjaletika fit-triq, u għaldaqstant il-provi miġjuba ma laħqux il-livell rikjest fil-kamp kriminali.

Madankollu, l-Avukat Ġenerali appella s-sentenza fejn sostna li l-ewwel qorti ma evalwatx sew id-dinamika tal-inċident u r-responsabbiltà tas-sewwieq.

Fl-analiżi tagħha, l-Imħallef Scerri Herrera osservat li t-triq fejn seħħ l-impatt hija dritta u wiesgħa, b’viżibbiltà ċara u mingħajr ostakli li setgħu jfixklu l-viżibbiltà tas-sewwieq. Mir-rapporti tekniċi, irriżulta li Farrugia kien qed isuq b’veloċità moderata ta’ bejn 26 km/h u 34 km/h, u li l-brejkijiet kif ukoll l-isteering tal-vettura kienu f’kundizzjoni mekkanika perfetta.

Għalkemm bil-lejl id-dawl tat-triq f’dawk l-akwati kienu kollha mixgħulin, kien hemm bozza li kienet qiegħda tteptep. Għalhekk, il-qorti saħqet li dan kien jimponi obbligu akbar fuq is-sewwieq biex ikun aktar kawt u inqas traskurat.

Fattur deċiżiv appoġġjat mill-esperti kien li fil-mument tal-impatt, il-vittma kien diġà qasam madwar tliet kwarti tal-wisa’ tat-triq. Il-qorti nnutat li fit-triq ma nstabu l-ebda sinjali ta’ brekijiet jew tentattiv ta’ devjazzjoni, u dan jikkonferma li s-sewwieq sempliċiment naqas milli jara dak li kien f’dehra ċara quddiemu.

Filwaqt li sabet lis-sewwieq ħati tal-akkużi kollha, il-qorti straħet ukoll fuq il-fatt li kien hemm element ta’ negliġenza kontributtorja min-naħa tal-vittma, billi għażel li jaqsam minn triq prinċipali u traffikuża fejn ma kienx hemm pelican crossing.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Appell ikkundannat lil Clint Farrugia għal multa ta’ €2,329 u skwalifikatu milli jikseb jew ikollu liċenzja tas-sewqan għal perjodu ta’ sitt xhur. Farrugia ġie ordnat ukoll iħallas is-somma ta’ €3,426 fi spejjeż marbuta mar-rapporti tal-esperti maħtura mill-qorti.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport