Il-GWU se tibda azzjonijiet industrijali f’Dar Emmaus wara li l-maniġment irrifjuta li jiltaqa’ magħha

Aqra wkoll

It-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU) qed tħabbar li se tibda azzjonijiet industrijali f’Dar Emmaus, Għawdex, mit-Tnejn 10 ta’ Awwissu, wara li l-maniġment, permezz tar-rappreżentant legali tiegħu, irrifjuta b’mod kategoriku li jiltaqa’ mar-rappreżentanti tal-GWU f’laqgħa ta’ konċiljazzjoni mad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER).

Il-GWU, bħala l-union rikonoxxuta li tirrappreżenta lill-ħaddiema konċernati f’Dar Emmaus, insistiet fuq djalogu bil-għan li jiġu indirizzati kwistjonijiet urġenti li jolqtu direttament lill-membri tagħha. Minkejja dan, f’korrispondenza uffiċjali mibgħuta f’isem il-Fondazzjoni Kenn u Tama, il-GWU ġiet infurmata li l-Fondazzjoni “mhijiex interessata li tattendi għal ebda laqgħa” mar-rappreżentanti tal-Union.

Il-GWU tqis din il-pożizzjoni bħala waħda serja u inaċċettabbli, li tmur kontra l-ispirtu ta’ relazzjonijiet industrijali bbażati fuq id-djalogu, ir-rispett reċiproku u r-rappreżentanza effettiva tal-ħaddiema.

Fid-dawl ta’ dan l-atteġġjament, il-GWU informat lill-maniġment li ma tħalliet bl-ebda alternattiva ħlief li tipproċedi b’azzjonijiet industrijali. Union rikonoxxuta ma tistax tiġi injorata. Ir-rikonoxximent għandu jkun rifless f’djalogu sinifikanti u responsabbli, fejn il-vuċi tal-ħaddiema tinstema’ u l-kwistjonijiet li jolqtuhom jiġu diskussi.

Il-GWU tibqa’ lesta li din is-sitwazzjoni tissolva permezz tad-djalogu, iżda dan jista’ jseħħ biss jekk ikun hemm rieda ġenwina min-naħa tal-maniġment li jidħol f’diskussjonijiet mal-Union li tirrappreżenta lill-ħaddiema.

Jekk ma jkun hemm l-ebda progress sinifikanti, il-GWU tirriżerva d-dritt li teskala d-direttivi tagħha mingħajr dewmien u tieħu kull pass meħtieġ sabiex tissalvagwardja d-drittijiet u l-interessi tal-membri tagħha.

Il-prijorità tal-GWU tibqa’ ċara: li tħares id-drittijiet tal-ħaddiema u taħdem għal relazzjonijiet industrijali ġusti u mibnija fuq ir-rispett.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport