It-Taqsima Marittima u Avjazzjoni fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU), li tirrappreżenta lill-ħaddiema impjegati mal-Malta MedAir, irreġistrat tilwima industrijali u tat ukoll avviż ta’ azzjonijiet industrijali lill-kumpanija.
Il-GWU ġiet rikonoxxuta bħala l-union uffiċjali li tirrappreżenta lill-ħaddiema f’ċerti gradi fi ħdan Malta MedAir ftit tal-ġimgħat ilu. Bħala parti mill-proċess li għandu jwassal għall-ftuħ ta’ diskussjonijiet dwar Ftehim Kollettiv ġdid, il-GWU talbet lill-kumpanija tipprovdi d-dokumenti eżistenti li jirregolaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema konċernati.
Madankollu, il-kumpanija qed tinsisti li dawn id-dokumenti ma jingħatawx lill-union, minkejja li din ġiet rikonoxxuta uffiċjalment mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER) sabiex tirrappreżenta lil dawn il-ħaddiema.
Il-GWU tqis din il-pożizzjoni bħala ostaklu għall-ħidma leġittima tagħha favur il-ħaddiema u għall-bidu ta’ negozjati kollettivi b’mod effettiv u trasparenti.
Is-Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni, Jurgen Azzopardi, qal:
“Il-proċess ta’ negozjar kollettiv għandu jkun ibbażat fuq it-trasparenza, ir-rispett reċiproku u r-rikonoxximent tar-rwol tal-union bħala r-rappreżentant tal-ħaddiema. Li union tiġi mċaħħda mill-aċċess għall-informazzjoni bażika u meħtieġa biex twettaq il-funzjoni tagħha huwa tentattiv li mhux biss idgħajjef ir-rappreżentanza tal-ħaddiema, iżda wkoll ir-relazzjonijiet industrijali.”
Il-GWU mhux se tibqa’ siekta quddiem tentattivi li jfixklu d-dritt tal-ħaddiema għal rappreżentanza effettiva u għal negozjar kollettiv ġust u trasparenti.
Minkejja dan, il-GWU tibqa’ tittama li l-kwistjoni tkun tista’ tissolva b’mod amikevoli permezz tad-djalogu u l-koperazzjoni. Madankollu, jekk ma jkunx hemm ir-rieda meħtieġa ta’ koperazzjoni min-naħa tal-kumpanija, il-GWU tirriżerva d-dritt li tkompli teskala l-azzjonijiet industrijali u tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex tissalvagwardja d-drittijiet u l-interessi tal-ħaddiema li tirrappreżenta.


