Investiment rekord f’servizzi aktar personalizzati għal persuni b’diżabilità

Aqra wkoll

L-Aġenzija Sapport ippubblikat ir-Rapport Annwali tagħha għall-2025, sena li matulha kompliet issaħħaħ is-servizzi tagħha sabiex tavvanza aktar il-viżjoni ta’ għajxien indipendenti, deistituzzjonalizzazzjoni u servizzi mfassla madwar il-ħtiġijiet tal-persuna.

Matul is-sena, il-baġit tal-Aġenzija żdied għal aktar minn €40.3 miljun, żieda ta’ 14% fuq is-sena ta’ qabel, filwaqt li sal-aħħar tal-2025 l-Aġenzija kienet timpjega 649 persuna.

Il-ħidma tal-Aġenzija kompliet tkun iffukata fuq il-preparamenti għal riformi importanti, fosthom l-Att tal-Assistenza Personali u l-implimentazzjoni tad-Direttiva Ewropea dwar il-Karta Ewropea tad-Diżabilità u l-Karta Ewropea għall-Parkeġġ. Fl-istess ħin, Aġenzija Sapport kompliet issaħħaħ il-preżenza tagħha fuq livell internazzjonali permezz tas-sħubija tagħha fil-European Platform for Rehabilitation.

Matul l-2025 ġew introdotti diversi servizzi ġodda li jkomplu jsaħħu l-appoġġ lil persuni b’diżabilità u lill-familji tagħhom. Fost dawn kien hemm gruppi ta’ appoġġ għal ġenituri bi tfal b’diżabilità, persuni b’acquired disability, aħwa adolexxenti ta’ persuni b’diżabilità u persuni b’diżabilità LGBTIQ+, kif ukoll is-Servizz tal-Youth Work u s-servizz speċjalizzat għall-persuni Deaf u Hard of Hearing.

Pass importanti ieħor kien it-tnedija tal-programm SkillUp, li jipprovdi taħriġ u ħiliet ta’ għajxien indipendenti u preparazzjoni għad-dinja tax-xogħol għal persuni b’diżabilità. Fl-istess waqt twaqqfet ukoll Compliance Unit ġdida sabiex tissaħħaħ il-governanza u l-monitoraġġ tas-servizzi.

L-Aġenzija kompliet tinvesti wkoll fi proġetti innovattivi. Fost dawn kien hemm il-proġett pilota Path2Independence, li ta opportunità lil żgħażagħ b’diżabilità jesperjenzaw għajxien aktar indipendenti bis-sapport professjonali meħtieġ. Tnieda wkoll il-proġett Ewropew Same Chance, b’kollaborazzjoni ma’ sħab minn Malta, il-Portugall u l-Irlanda, bil-għan li jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ impjieg għal persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu.


Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia spjegat kif  “dan ir-rapport annwali jikkonferma li bħala Gvern qed inkomplu nwettqu l-viżjoni tagħna għal servizzi aktar moderni, aktar personalizzati u ffukati fuq il-persuna. Dan l-investiment mhux biss investiment f’servizzi, iżda investiment fid-dinjità, fl-awtonomija u fil-potenzjal ta’ kull persuna b’diżabilità. Permezz ta’ riformi, servizzi ġodda u inizjattivi innovattivi qed nibqgħu nibnu soċjetà fejn kulħadd ikollu l-opportunità jgħix b’mod aktar indipendenti u jipparteċipa b’mod sħiħ fil-ħajja tal-komunità.”

Matul is-sena kompliet ukoll il-ħidma ta’ riforma fi ħdan l-Aġenzija. Is-servizz Independent Community Living ġie ristrutturat sabiex jappoġġja aħjar l-implimentazzjoni tar-riforma tal-Assistenza Personali, filwaqt li bdiet riforma estensiva tas-servizzi ta’ matul il-jum biex dawn ikunu aktar moderni, flessibbli u ffukati fuq il-persuna. Ġew ukoll aġġornati l-kriterji tal-Empowerment Scheme sabiex jirriflettu aħjar il-ħtiġijiet attwali.

L-Aġenzija kompliet tinvesti fit-teknoloġija u l-innovazzjoni, fosthom permezz tal-introduzzjoni ta’ Smart Emergency Buttons fir-residenzi tagħha biex titjieb is-sigurtà tal-impjegati u r-rispons f’każ ta’ emerġenza, kif ukoll permezz ta’ investiment fil-pjattaforma diġitali relatata mal-Karta Ewropea tad-Diżabilità u l-Blue Badge.

Importanti wkoll kien l-investiment kontinwu fil-kapital uman. Aktar minn 500 impjegat ingħataw taħriġ matul is-sena, bħala parti minn aktar minn 150 opportunità ta’ taħriġ differenti offruti lill-istaff. Barra minn hekk, 70 impjegat ipparteċipaw f’taħriġ barra minn Malta permezz ta’ proġetti tal-Unjoni Ewropea b’investiment ta’ kważi €180,000. B’kollox, ġew mgħejuna 37,000 individwu permezz tat-tim tal-customer care. 

L-investiment infrastrutturali baqa’ prijorità wkoll. Sar xogħol ta’ tisbiħ u titjib f’diversi residenzi u ċentri ta’ matul il-jum madwar Malta u Għawdex, filwaqt li kompliet il-kollaborazzjoni ma’ Project Green għall-iżvilupp ta’ ġonna multi-sensorjali f’Raħal Ġdid u Pembroke. Kompliet ukoll il-ħidma fuq proġetti oħra fil-Balluta, il-Mosta u l-Gżira.

Matul is-sena, Aġenzija Sapport kompliet issaħħaħ ukoll il-kollaborazzjonijiet tagħha ma’ diversi entitajiet, fosthom ma’ Special Olympics Malta, fejn mijiet ta’ persuni b’diżabilità ħadu sehem f’attivitajiet sportivi regolari u kompetizzjonijiet internazzjonali. Ġie ffirmat ukoll ftehim mal-iSpeech Language Centre biex jissaħħaħ is-servizz ta’ Augmentative and Alternative Communication.

Waqt il-preżentazzjoni tar-Rapport Annwali lill-Ministru Julia Farrugia, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Aġenzija għall-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom. Huwa sostna li l-progress li sar matul l-2025 kien frott il-ħidma kollettiva tal-professjonisti kollha li kuljum jaħdmu biex itejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ persuni b’diżabilità.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport