Saturday, May 18, 2024

ARA: Il-GWU Sodisfatta bil-laqgħa tal-MCESD

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Wara li ntemmet il-laqgħa tal-MCESD li trattat l-isfidi relatati mat-tibdil fil-klima u l-enerġija, L-Orizzont ħa l-ewwel kummenti tas-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja li ddeskriva din il-laqgħa bħala waħda interessanti u pożittiva.

Is-Sur Bugeja stqarr li filwaqt li l-Gvern ippreżenta l-viżjoni li għandu għal dan is-settur, l-Enemalta tat ukoll spjegazzjoni x’seħħ f’dawn l-aħħar snin fl-infurzar u t-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku. 

Huwa żied jgħid li l-imsieħba soċjali qablu dwar aċċellerazzjoni ta’ fondi tal-Gvern biex ikompli jkabbar u jsaħħaħ in-network wara d-domanda li kien hemm fl-aħħar jiem.

YouTube video

Fl-istess waqt, l-imsieħba rringrazzjaw lill-ħaddiema kollha tal-Enemalta dwar l-isforz kbir li sar u qed isir fil-preżent biex jagħtu d-dawl lil kulħadd u jkomplu jsaħħu d-distribuzzjoni.

“Għandna impenn qawwi mill-Gvern li se jkompli jinvesti fid-distribuzzjoni, fil-ġenerazzjoni u fis-settur tal-enerġija,” tenna s-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

Misoqsi dwar it-twaqqif ta’ awtorità li se tkun iffokata kontra t-tibdil fil-klima, Bugeja qal li l-unjin tqis dan bħala pass pożittiv ħafna. “It-tibdil tal-klima qiegħed magħna u rridu nkomplu mhux biss nitkellmu imma anke nibdew naraw l-impatt li se jkun hemm u kif nistgħu nimmitigaw dak l-impatt.”

Minbarra t-tibdil fil-klima, kompla jgħid Bugeja, il-GWU tkellmet ukoll dwar l-importanza tal-prinċipji tal-ESG u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Barra minn hekk, l-imsieħba soċjali qablu li għandu jingħata kumpens lil dawk li ġew affettwati mill-qtugħ fil-provvista tal-elettriku fl-aħħar jiem.

Sport