Friday, April 26, 2024

“Il-GWU sodisfatta bil-pożizzjoni tal-PM rigward il-mekkaniżmu tal-COLA”

is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union tinsab sodisfatta bid-dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru Robert Abela rigward il-mekkaniżmu tal-COLA. Ikkonferma dan is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja f’kumment lil Talk.mt. 

Bugeja qal li l-Prim Ministru kien ċar u skjett fuq dan il-mekkaniżmu meta qal li dan mhux se jintmess. Huwa qal li tagħmel sens li mekkaniżmu li ilu 32 sena jiffunzjona bla ma qatt ma ntmess jinżamm kif inhu. 

Żied biex jgħid li min iħaddem ma jistax jippretendi li dan il-mekkaniżmu jinbidel mingħajr ebda konsultazzjoni, diskussjoni u ftehim meta preżentament hemm ftehim li diġà huwa maqbul u ffirmat.

Is-Segretarju Ġenerali qal li anke mil-lat ekonomiku ma tagħmilx sens il-proposta li tressqet mill-Kamra tal-Kummerċ minħabba l-fatt li l-COLA hija marbuta mal-inflazzjoni. Bugeja qal li dawn huma affarijiet separati miż-żidiet li jingħataw fil-ftehim kollettivi u r-rata tal-inflazzjoni.

“Fil-fatt aħna fil-ftehim kollettivi jkollna klawżoli speċifiċi fuq il-COLA jekk iż-żieda hijiex parti mill-COLA jew trattata separatament.”

Bugeja tenna jgħid li l-GWU taqbel perfettament mal-pożizzjoni li ħa l-Prim Ministru li kien ċar li l-mekkaniżmu se jibqa’ kif inhu.

Waqt l-intervent telefoniku fuq One Radio s-Sibt filgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela kien ċar dwar il-pożizzjoni tiegħu rigward il-mekkaniżmu tal-COLA. Abela tkellem dwar il-ħidma tal-gvern li flimkien mal-imsieħba soċjali ilhom xhur jaħdmu biex jitfassal id-dokument tal-budget għal din is-sena. 

Abela sostna li bħalma ilu jagħmel Gvern Laburista, il-budget ta’ din is-sena se jkollu l-ħsieb li jħares l-interessi ta’ min iħaddem filwaqt li jipproteġi l-interessi tal-ħaddiema. 

Il-Prim Ministru tkellem dwar diskussjonijiet mal-imsieħba b’rabta mal-COLA u qal li dan il-mekkaniżmu ġie maqbul iswed fuq l-abjad numru ta’ snin ilu u ladarba kien hemm dan il-ftehim, il-gvern ma jista’ qatt idur miegħu b’tali mod li jinjora l-ħsibijiet tal-imsieħba soċjali.

Sport