Wednesday, July 24, 2024

Il-GWU tiffirma Ftehim Kollettiv ġdid mal-OHSA fi żmien importanti ta’ riforma fis-settur

Aqra wkoll

Hekk kif is-settur tas-saħħa u s-sigurtà għaddej minn żmien importanti ta’ riforma, ġie ffirmat Ftehim Kollettiv ġdid għall-gradi maniġerjali bejn il-General Workers’ Union u l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA).

Waqt li kien qed jippresjedi l-iffirmar tal-Ftehim Kollettiv, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard qal, “Jien dejjem nara żewġ skopijiet ewlenin fi Ftehim Kollettiv, dak li nivvalorizzaw il-ħaddiema eżistenti, kif ukoll mezz ta’ kif nistgħu nkomplu nattiraw aktar ħaddiema lejn l-Awtorità. Bħala gvern mhux biss bil-kliem imma bil-fatti qed naħdmu fuq il-valur tal-ħaddiem u l-impenn li noħolqu karrieri.”

Il-Ministru spjega li sa tmiem tas-sena d-dieħla huwa ppjanat li l-għadd ta’ ħaddiema fi ħdan l-awtorità jitla’ minn 26 għal 80, u dan anke bl-assistenza ta’ istituzzjonijiet edukattivi permezz ta’ taħriġ speċjalizzat.

“L-OHSA għandha rwol kruċjali fejn tidħol ir-riforma tas-settur tal-kostruzzjoni u fiduċjuż li dan il-Ftehim Kollettiv se jkun qed iservi ta’ qafas biex inkomplu nirristrutturaw l-entità u lill-ħaddiema biex ikomplu jaqdu l-funzjoni tagħhom bl-aktar mod effiċjenti possibbli, ħalli mhux biss nilħqu l-aspettativa tan-nies imma wkoll nirrispondu għall-esiġenzi fis-settur,” tenna l-Ministru Attard.

Huwa tkellem ukoll dwar ix-xogħol li għaddej fuq l-att il-ġdid tal-OHSA li kien jeħtieġ reviżjoni hekk kif il-liġi ilha fis-seħħ għal dawn l-aħħar 20 sena. Permezz tal-liġi ġdida tal-OHSA mhux biss se jiġu msaħħin l-istrutturi organizzattivi tal-Awtorità bit-tisħiħ tal-Bord u l-Eżekuttiv, iżda wkoll se tinkludi sistema ġdida ta’ penali, proċeduri ta’ kompromess, formulazzjoni ta’ Tribunal ġdid tal-Awtorità u l-introduzzjoni ta’ uffiċjal ġdid responsabbli mis-saħħa u s-sigurtà fi ħdan il-postijiet tax-xogħol.

Il-Ministru tkellem ukoll dwar titjib fil-kollaborazzjoni bejn l-OHSA u l-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA, mhux biss biex tiżdied l-effettività fl-aspett ta’ infurzar tas-settur tal-kostruzzjoni, imma wkoll biex jingħata servizz aħjar liċ-ċittadini partikolarment dawk affettwati mill-kostruzzjoni.

Fost dawk preżenti għaċ-ċerimonja tal-iffirmar tal-Ftehim Kollettiv kien hemm Dr Josianne Cutajar il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA u l-President tal-General Workers’ Union Victor Carachi flimkien mas-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi Riccarda Darmanin.

Il-President tal-GWU, Victor Carachi qal li dan il-ftehim huwa kruċjali għaliex is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huma importanti ħafna fil-pajjiż. Huwa enfasizza wkoll fuq il-ħtieġa tat-titjib fil-kundizzjonijiet biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jilqgħu għall-isfidi tal-lum u tal-ġejjieni.

“Minbarra l-inċidenti u l-imwiet fuq il-postijiet tax-xogħol fis-settur tal-kostruzzjoni rridu niffokaw ukoll u aktar fuq is-saħħa mentali fuq tal-ħaddiema. Fuq ir-riskji li jkunu ġejjin minn stress, abbużi u bbuljar fost oħrajn. Huwa ta’ pjaċir nara li dan is-settur qed jirriforma ruħu u qed ikun mgħammar bl-aħjar riżorsi biex ikun lest jaħdem fuq l-isfidi li l-ħaddiema jaffaċċjaw fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom,” qal Victor Carachi.

Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja Johan Galea u Thomas Woods, Kap tar-Relazzjonijiet Industrijali fi ħdan id-Diviżjoni Nies u Standards.

Ekonomija

Sport