Il-GWU kisbet ir-rikonoxximent ewlieni tal-Monitoring and Enforcement Officers li jaħdmu mal-G4S u li jagħtu servizz l-ERA. Dan ġie mogħti wara li l-proċess ta’ verifika kkonkluda li l-maġġoranza tal-ħaddiema huma membri tal-Union.
F’dawn l-aħħar xhur assistejna għal diversi kampanji edukattivi fejn urew lill-pubbliku ġenerali kif għandu jqassam l-iskart u b’hekk jimxi mal-proċeduri tal-immaniġġjar tal-iskart. Biex jagħmel dan, il-Gvern, permezz tal-ERA, waqqaf is-sezzjoni tal-Monitoring and Enforcement Officers. Dan is-servizz qed jitħaddem minn numru ta’ ħaddiema li huma impjegati mal-G4S.
L-irwol ta’ dawn l-uffiċjali huwa ta’ importanza kbira sabiex tkompli l-ħidma edukattiva fejn jidħol l-immaniġġjar tal-iskart. Dan għaliex il-ħidma tal-uffiċjali hija marbuta mal-edukazzjoni u tagħrif però fuq kollox mal-infurzar tal-liġi u r-regolamenti. Għalhekk dawn l-uffiċjali għandhom l-irwol li josservaw li l-pubbliku inġenerali u l-ħwienet kummerċjali jkunu qegħdin jimxu mal-proċeduri u l-liġijiet tal-immaniġġjar tal-iskart.
F’dan il-kuntest is-Segretarju tat-Taqsima GWU – Ospitalità u Ikel Kenny Muscat, saħaq li l-irwol ta’ dawn l-uffiċjali huwa importanti ħafna għaliex l-infurzar tal-liġi jeħtieġ dixxiplina u kollaborazzjoni. Huwa żied jgħid, li l-Union flimkien mal-G4S u l-ERA qed taħdem b’dedikazzjoni, biex ittejjeb l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema membri.
Huwa kkonkluda billi tenna li “l-għan tagħna huwa li nagħtuhom pakkett finanzjarju li jirrifletti r-responsabilità u l-importanza ta’ xogħolhom speċjalment fil-kuntest tar-riformi fil-proċeduri tat-tqassim tal-iskart.’