Il-General Workers’ Union (GWU) issospendiet l-azzjonijiet industrijali li kienu għaddejjin f’Dar Emmaus, Għawdex, wara li t-tmexxija tad-Dar aċċettat li tiltaqa’ mar-rappreżentanti tal-Union sabiex jiġu diskussi l-kwistjonijiet pendenti.
Dan l-iżvilupp seħħ l-Erbgħa filgħodu, meta t-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa fi ħdan il-GWU ġiet infurmata li t-tmexxija ta’ Dar Emmaus kienet lesta li tiltaqa’ mal-Union. Sussegwentement, ġie maqbul li laqgħa bejn iż-żewġ naħat issir nhar it-Tnejn li ġej.
Fid-dawl ta’ dan l-iżvilupp u bħala sinjal ta’ rieda tajba, il-GWU ddeċidiet li tissospendi l-azzjonijiet industrijali li kienu fis-seħħ, sabiex tagħti spazju għad-djalogu u għal diskussjonijiet kostruttivi bejn il-partijiet.
Il-GWU tittama li l-laqgħa twassal għal progress konkret u għal soluzzjoni ġusta għall-kwistjonijiet pendenti, fl-aħjar interess tal-ħaddiema kkonċernati.
Il-kwistjoni bejn il-GWU u Dar Emmaus qamet fl-aħħar jiem b’rabta ma’ diversi materji li jolqtu lill-ħaddiema, fosthom kwistjonijiet relatati mar-rikonoxximent trejdunjonistiku.
Il-GWU tibqa’ impenjata li tħares id-drittijiet u l-interessi tal-membri tagħha, filwaqt li tibqa’ dejjem miftuħa għal djalogu serju u kostruttiv li jista’ jwassal għal soluzzjoni fl-interess tal-ħaddiema.
