Il-GWU u l-Africa Peace and Security Union isaħħu r-relazzjonijiet ta’ kollaborazzjoni

Diskussjonijiet dwar il-paċi, id-djalogu soċjali u summit bejn Malta u l-Afrika li mistenni jsir is-sena d-dieħla

Aqra wkoll

L-Amministrazzjoni tal-General Workers’ Union (GWU) kellha laqgħa mal-E.T. Roll Stephane Ngomat, Chairperson tal-Africa Peace and Security Union (APSU), li matulha ġew diskussi opportunitajiet għal kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn iż-żewġ naħat, b’enfasi fuq il-paċi, id-drittijiet tal-ħaddiema, il-prosperità u l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet aktar b’saħħithom bejn Malta u pajjiżi Afrikani.

Matul il-laqgħa kien hemm qbil li l-paċi hija element fundamentali biex il-ħaddiema u s-soċjetajiet ikunu jistgħu jimxu ’l quddiem. Ġie enfasizzat li mingħajr il-paċi huwa diffiċli li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għax-xogħol, il-prosperità, l-iżvilupp ekonomiku u l-libertà tal-moviment.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri qal li Malta dejjem kienet favur il-bini ta’ pontijiet bejn popli differenti u enfasizza l-importanza tal-libertà tal-moviment u ta’ relazzjonijiet ibbażati fuq ir-rispett u l-kollaborazzjoni.

Huwa sostna li l-GWU hija lesta taħdem flimkien mal-Africa Peace and Security Union sabiex jinbnew relazzjonijiet aktar b’saħħithom u jinħolqu opportunitajiet ta’ benefiċċju reċiproku. Camilleri enfasizza wkoll il-valur li l-GWU tagħti lid-djalogu soċjali bħala għodda essenzjali biex jintlaħaq progress ekonomiku u soċjali sostenibbli.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Abela spjega li l-GWU hija union miftuħa għall-ħaddiema kollha, irrispettivament min-nazzjonalità, il-kulur jew ir-reliġjon tagħhom.

Huwa qal li l-ħidma tal-GWU ma tieqafx biss mar-rappreżentanza tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, iżda tinkludi wkoll inizjattivi li jgħinuhom jintegraw u jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, fosthom permezz tat-tagħlim tal-lingwi u taħriġ f’soft skills fost oħrajn.

Matul il-laqgħa, iż-żewġ naħat qablu wkoll li jibdew jaħdmu fuq l-organizzazzjoni ta’ Africa–Malta Summit, li huwa ppjanat li jsir matul is-sena d-dieħla. L-għan tas-summit se jkun li jġib flimkien partijiet interessati minn Malta u mill-Afrika sabiex jiġu promossi interessi komuni, jinbnew sħubijiet ġodda u jiġu esplorati opportunitajiet għal kollaborazzjoni ekonomika u soċjali.

Il-GWU temmen li relazzjonijiet aktar b’saħħithom bejn Malta u l-Afrika jistgħu jikkontribwixxu għal aktar opportunitajiet, integrazzjoni u prosperità, filwaqt li jkomplu jippromwovu kultura ta’ paċi, rispett u djalogu bejn il-popli.

Matul il-laqgħa kienu preżenti wkoll Ridha Dardouri, GWU Business Development Manager u Omar Vella, Kap Eżekuttiv Union Press.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport